Intom tafu li l-Kamra tal-Avukati qatt ma qagħdet lura, u qatt mhu ser toqgħod, milli titkellem
u taġixxi biex tara li dawn il-prinċipji jitwettqu fil-ħajja ta’ kuljum tal-poplu tagħna. Jekk l-attakki fuq il-ġudikatura li qed nassistu għalihom f’dan iż-żmien mhumiex aċċettabbli għall-diversi setturi fil-pajjiż, wisq aktar mhumiex aċċettabbli għall-Kamra tal-Avukati.
Hekk saħqet il-Kamra tal-Avukati fi stqarrija li ħarġu f’għeluq l-20 sena anniversajru minn meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea. L-Avukai spjegaw kif minkejja d-diffikultajiet li jirriskontraw bħala professjoni fit-tħaddim tal-liġijiet Ewropej, is-sħubija ġabet magħha aktar vantaġġi minn żvantaġġi kemm għall-professjonisti kif ukoll għall-poplu li jisserva mill-professjoni tagħhom.
Għal dawk li jaħdmu fil-professjoni lokalment, ir-realtà ġġib magħha diversi sfidi, kompliet tgħid il-Kamra tal-Avukati, iżda fiċ-ċirkostanzi li qiegħed jgħix pajjiżna llum, huwa dmir tal-Kamra tal-Avukati li l-ewwel u qabel kollox titfa’ d-dawl fuq wieħed mill-prinċipji ewlenin li fuqhom hi msejsa l-Unjoni Ewropea – il-prinċipju li l-ebda persuna mhi meqjusa ‘l fuq mil-liġi u li kulħadd hu soġġett għas-saltna tad-dritt u għall-ġustizzja kif applikata mill-Qrati tagħna.
Is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea llum tagħtina għodda importanti li nistgħu nirrikorru għaliha biex niddefendu s-saltna tad-dritt, l-indipendenza, l-imparzjalità u l-unkolumità tal-ġudikanti – imħallfin u maġistrati, sostniet il-Kamra tal-Avukati, li tittama li l-valuri li bil-fomm kulħadd jistqarr f’din l-art ħelwa, ikunu l-valuri li fl-aħħar mill-aħħar jagħtu d-dehen lil min jaħkimha.
Mill-ħajja tagħna ta’ kuljum fil-professjoni tagħna, il-Kamra tal-Avukati qalet li taf li l-Unjoni Ewropea ġabet opportunitajiet kbar għal professjoni legali. Forsi fost l-akbar, ġabet l-aċċertazzjoni tal-liġijiet minn Qorti indipendenti oħra, żgur ħielsa minn diversi allegazzjonijiet li jistgħu jitressqu, u li bla dubbju jitressqu f’pajjiż żgħir bħal tagħna ta’ sikwit. Il-fatt li wieħed jista’ jirrikorri l-Lussemburgu, jagħti element ta’ serħan il-moħħ importanti għall-poplu tagħna, temmet tgħid il-Kamra tal-Avukati.
.