“Fl-aħħar Chris Fearne fehem li ma jistax ikompli jagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Filwaqt li nirrikonoxxi dak li għamel Chris Fearne, alavolja fil-fehma tiegħi l-pass sar tard, jidher ċar li għandu rispett lejn l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, aktar mill-Prim Ministru għaliex fl-aħħar jiem rajna kif il-Prim Ministru fetaħ attakk fuq il-ġudikatura.”
Kien dan li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech waqt intervista li saret mill-Editur Eżekuttiv ta’ MaltaToday, Kurt Sansone fuq Net Television fi programm speċjali li sar quddiem l-aħħar żviluppi b’rabta mal-Inkjesta Vitals.
Bernard Grech semma kif dalgħodu, il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard għamel attakk fuq il-preżentatur Andrew Azzopardi waqt il-programm tiegħu fuq RTK 103FM, u insista kif “hija inaċċetabbli li l-ogħla esponenti tal-Gvern l-ewwel iħawwdu u jgħaffġu, umbagħad irridu wkoll jagħmlu n-narrativa huma.”
“Aħna għandna rispett lejn il-media u lejn il-ġurnalisti ta’ pajjiżna, li huma parti mid-demokrazija ta’ pajjiżna,” sostna Bernard Grech
Dwar l-injesta Vitals, Bernard Grech sostna li Edward Scicluna huwa s-security Guard tal-bank ċentrali, filwaqt il-Prim Ministru Robert Abela u Chris Fearne huma s-security guards tal-Gvern. “Il-ħażin ma għamlux biss min iffirma, iżda r-reponsabbiltà politika għandha tintrefa minn min qiegħed fl-ogħla pożizzjoni fil-pajjiż. Ma nistgħux nagħtu l-idea li għax ma għamilthiex inti imma ħallejt kollox għaddej, m’inthix ħati daqs min iffirma.”
Bernard Grech insista li ħadd ma jieħu gost bid-deni. “Ma nieħux gost li l-eks Prim Ministru ta’ pajjiżna jiġi mressaq il-Qorti, u lanqas ma nieħu gost li pajjiżna jinsab fi kriżi. Nieħu gost bil-ġid f’pajjiżna. Għalhekk nipretendi li ssir ġustizzja, u l-Prim Ministru jħalli l-istituzzjonijiet jaħdmu, u mhux jattakka l-ġudikatura ta’ pajjiżna.”
“Robert Abela li huwa l-Prim Ministru ta’ Malta għandu s-saħħa li jiftaħ kawża biex iġib il-flus lura. Jien ma nistax. Il-Prim Ministru biss seta’ jagħmel dan. Il-Partit Nazzjonalista għamel minn kollox biex il-Prim Ministru jiftaħ il-kawża, sa anka offrejna l-appoġġ tagħna, iżda Robert Abela xorta waħda baqa’ jirreżisti. Meta rajt li għalxejn, bdejna nimbuttaw lill-Avukat Ġenerali u l-kummissarju tal-Pulizija biex jagħmlu xogħolhom, iżda minn naħa tagħhom ma għamlu xejn ukoll. Aħna ma qtajniex qalbna, u l-ħidma tal-PN se tkompli, sakemm il-miljuni li nsterqu minn dan id-deal jingħataw lura lill-poplu,” qal Bernard Grech.
Għal dan il-fatt, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jorganizza protesta nhar it-Tnejn li ġej fis-6 pm quddiem il-Parlament sabiex verament il-poplu Malti u Għawdxi jingħata s-saħħa li tixraqlu.
Dwar l-elzzjonijiet li se jsiru f’Ġunju li ġej, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li hu żgur huwa li issa tgħallimna li min hu l-problema, ma jistax jsolvi l-problema li ħoloq hu stess.
“Min hu kompromess, ma jistax jiddeċiedi favur pajjiżna, u in-nies ukoll qegħdin jifhmu li l-Partit Nazzjonalsita qiegħed jissaħħaħ ma’kull ġurnata li tgħaddi. Il-Partit Nazzjonalista mhux biss qiegħed jitkellem, imma qiegħed jaġixxi. Qiegħed jiġġieled għall-poplu, u qiegħed iħares l-interessi tan-nies u mhux ta’ xi wħud, tal-qalbha.”
Bernard Grech innotta kif il-poplu Malti u Għawdxi jinsab imxebba bil-kriżi li laqtet pajjiżna. Għaldaqstant, Bernard Grech appella lill-poplu sabiex jagħmel il-parti tiegħu, u jinagħad mal-Partit Nazzjonalista nhar it-Tnejn li ġej għall-protesta fil-Belt Valletta, sabiex il-flus li nsterqu mid-deal tat-tliet sptarijiet inġibuhom lura, u tinstema l-għajta tan-nies, li issa wasal iż-żmien li niefqu kontra l-korruzzjoni u l-frodi li saru mill-ogħla esponenti tal-Gvern Laburista.
Bernard Grech appella lill-poplu sabiex fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju jagħżlu bilgħaqal u jġibu l-ewwel l-interessi tal-pajjiż.
“Hemm bżonn li jkollok Gvern li ma jkunx maqbud f’xibka tal-korruzzjoni, u dan jista jibda mill-lokalitajiet tagħna u anka barra minn xtutna, billi neleġġu membri tal-Parlament Ewropew u kunsillieri fil-lokalitajiet tagħna li huma denji, u li jogħlu isem pajjiżna. Għalhekk fit-8 ta’ Ġunju li ġej għandek tivvotta għall-kandidati tal-Partit Nazzjonalista, li mill-Oppożizzjoni qegħdin jagħtu ġiħ lill-pajjiżna.”
//= $special ?>