It-tempra fost il-membri tal-Kabinett donnha qed tiżdied sew. U s-Sibt filgħodu l-Ministru tal-Ġustizzja spiċċa attakka lil Andrew Azzopardi bħala “selettiv” fid-diskors tiegħu. Tant illi qallu li hemm “patern” fir-retorika li qed tintuża.
Jonathan Attard għamel din l-istqarrija meta dalgħodu kien mistieden fil-programm tal-istess Azzopardi fuq l-RTK.
Għal dan l-attakk, il-Professur Azzopardi wieġen billi qal li “se jibqa’ jitkellem”, u mhux se jwaqqfuh. “Mhux se tintimidawni”, insista Azzopardi. Għal dan, id-deputat Karol Aquilina wera solidarjetà mal-Professur Andrew Azzopardi. U fakkar kif il-Labour bħalissa jinsab skomdu bid-domandi tal-ġurnalisti għax qed iħossu dahru mal-ħajt.
Dan ma kienx l-ewwel attakk dirett li sar fuq l-RTK matul il-jum, meta aktar qabel Jason Micallef attakka lil waħda mill-ġurnalisti ta’ Newsbook meta saħansitra – b’mod isteriku – ħareġ ixejjer ritratti tagħha fl-istess programm ta’ Andrew Azzopardi.
Intant, fuq l-RTK, Karol Aquilina tenna li Robert Abela għandu kopja tal-Inkjesta Vitals – xi ħaġa li l-Ministru ma ċaħadx. Dan filwaqt li Jonathan Attard prova jitfa’ taħt it-tapit il-kriżi li jinsab fiha l-Gvern.
“Dawn huma ċirkustanzi li kull pajjiż jaffaċja”, stqarr il-Ministru tal-Ġustizzja. U stqarr li l-Gvern “m’għandu ebda urġenza”.
Karol Aquilina spjega fit-tul kemm hi gravi l-kriżi li jinsab fiha l-Gvern, b’akkużi fost l-oħrajn fuq eks Prim Ministru Laburista, Deputat Prim Ministru u Gvernatur tal-Bank Ċentrali.

Waqt l-istess programm, l-avukat Franco Debono ikkundanna l-attakki li saru fuq il-maġistrat inkwerenti meta Muscat u Abela irreferew għall-inkjesta tagħha bħala “terroriżmu politiku”.
Franco Debono iddeskriva bħala “għarukaża” il-kampanja ta’ tixwix ikrah kontra l-Maġistrat.
“Ixxukjat bl-istat li ninsabu fih f’dan il-pajjiż. Huma affarijiet ta’ reġim”, stqarr Debono meta ikkummenta dwar l-avvenimenti li seħħet fl-aħħar jiem.
U appella wkoll lill-poplu jirribella kontra dak li għaddej.
Intant, dwar ir-reponsabbiltà kollettiva, il-Ministru Attard ma weġibx. U għażel li jmur lura fl-istorja billi jattakka lill-Partit Nazzjonalista.
Jonathan Attard insista li huwa kburi li hu parti mill-Gvern.
//= $special ?>