Tifla li qalgħet 16-il daqqa ta’ sikkina allegatament mingħand l-eks sieħeb ta’ ommha qalet li kemm hi u ż-żewġ ħutha u anke ommha kienu jibżgħu mill-akkużat għaliex taż spiss kien jhedded lil omm u lilhom u xhedet li darba minnhom qalilhom li kien se jaħraqhom bid-dar b’kollox.
Dan ħareġ meta quddiem il-Maġistrat Marseanne Farrugia kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Nazzareno Dalli (ritratt), magħruf bħala Ronald ta’ 43 sena minn Bormla li qed jiġi mixli b’attentat ta’ qtil ta’ żewġ tfajlliet minuri wara li allegatament tahom diversi daqqiet ta’ sikkina f’Marzu li għadda.
Waħda mill-bniet ta’ 12-il sena u l-oħra ta’ 15-il sena li jiġu ulied l-eks sieħba tiegħu. Preżenti kien hemm ukoll ħuhom ta’ 14-il sena li iżda rnexxielu jaħrab mid-dar ta’ ommhom fejn seħħ l-inċident fil-Marsa. Fil-kumpilazzjoni tal-Ġimgħa xhedu t-tliet ulied li kienu d-dar waqt li ommhom kienet qed tixtri.
L-ahhar xhud ghall-illum kienet it-tifla li għadha kemm tagħlaq it-13 il-sena li qalghet 16 il-daqqa ta’ sikkina li qalet li waqt li ħuha kien qed jilgħab il-playstation, telaq id-dawl. Qalet li raw lil Dalli dieħel, mar fuq oħtha u daħalla s-sikkina f’idha.
Qalet li telqet tiġri, ħabtet ma xi ħaġa, waħghqet, hu dlonk qabadha minn xagġra u beda jtiha bis-sikkina. Qalet li wara ma tiftakar xejn iktar dak li ġara. Fix-xhieda tagħha qalet li huma lkoll kienu jibżgħu minnu għax spiss kien jhedded lill-ommhom.
Tenniet li darba minnhom qalilhom li se jaħraqhom bid-dar b’kollox, u li darba minnhom qalilhom li se joqtlilhom lill-ommhom. It-tifla xehdet li tiftakar li qamet u sabet ruħha l-ITU. Kompliet tgħid li ġisimha issa m’għadux kif kien qabel għaliex huwa miksi kollu marki ta’ dakinhar.
Waqt il-kontra ezami, id-difiża staqsiet lit-tifla f’liema stat kien Dalli meta daħal fir-residenza, bit-tifla tgħid li kien f’sensih. Id-difiża qalet li l-omm u l-akkuzat spiċċaw ir-relazzjoni wara l-Milied tas-sena li għaddiet, bit-tifla tgħid li ma tiftakarx.
Ħarbu f’xelter għax kienu imwerwra mill-akkużat
Id-difiza tfakkar lit-tifla li l-akkużat f’dan il-perjodu organiżża festin għal ħuha u oħtha, bit-tifla tgħid li l-akkużat ġieli organiżża festin, imma ma tiftakarx b’dan li qed issemmi d-difiża. Fix-xhieda tagħha qalet li kien hemm żmien fejn li l-ulied flimkien ma’ ommha ħarbu go xelter għax bdew jibżgħu minn Dalli.
It-tifla qalet ukoll li darba rat l-istess sikkina li ntużat mill-akkużat, fil-karozza tiegħu. Qalet li preżenatament huma qed jabitaw f”home’ fl-Imsida. Id-difiża staqsiet lit-tifla jekk qadtx tkellmet mas-social workers, bit-tifla tgħid li qatt ma tkellmet magħhom iżda jafu x’ġara.
Id-difiża wara talbitha tiddiskrivi r-rapport li kellha mal-akkużat, bit-tifla tgħid li xtrala l-ħwejjeġ darbtejn. Id-difiża qalet li l-omm ma taħdimx, saħansitra l-akkużat kien imantni lilha u anke lill-uliedha, inkluż li jixtrilhom l-affarijiet kollha li kien ikollhom bżonn. Madankollu t-tifla ċaħdet dan kollu.
Qabilha xehdet oħtha li qalet li ma tiftakarx kif kienet is-sikkina għax kienet imwerwra. Kompliet tgħid li darba l-akkużat għamilha ‘black eye’, bl-akkuzat joħroġ illiberat għax it-tifla għażlet li ma tixhidx. Dwar l-istat li kien fih l-akkużat dakinhar tar-reat, it-tifla qalet li kien f’sensieh.
Matul il-kontra eżami, id-difiża staqsiet lit-tifla fejn kienet marret ommha meta daħal l-akkużat fir-residenza, bix-xhud twiegeb li ommha marret tixtri għand tal-Merċa. Qalet li ma felġitx tmur ma’ ommha għax kienet għadha bin-nas għax għamlet lejl imqajma tuża’ Facebook u tara film fil-kamra tas-sodda t’ommha.
Mistqosija mid-difiża li staqsieta jekk it-tifla qadtx tkellmet dwar it-theddid tal-akkużat fil-konfront ta’ ommha, bix-xhud twieġeb fin-negattiv. Madanakollu qalet li ġieli marru s-social workers fir-residenza pero għażlet li ma titkellimx dwar l-allegat abbuż.
Id-difiża staqsieta ukoll dwar x’tip ta’ relazzjoni kellha mal-akkużat, bix-xhud twieġeb kien hemm perjodu fejn kellhom rapport tajjeb, pero spjegat ukoll li darba l-akkużat qalilhom li ħa jaħraq id-dar bihom b’kollox. Id-difiza argumentat li mill-informazzjoni li għandhom, it-tifla u l-akkużat kellhom rapport tajjeb, illi f’Jum il-Missier xtratlu l-fwieħa u tefatlu messaġġ fuq il-profil ta’ Facebook bit-titlu “Fik sibna il-Missier li qatt ma kellna”.
Id-difiża kompliet tistaqsi dwar ir-raġuni għala ommha u missierha bijoloġiku temmew ir-relazzjoni tagħhom, bit-tifla twieġeb li ma tafx u li ommha qaltilha biss li missierha ma kienx lest li jieħu ħsibhom. Id-difiża irribattit u qalet lit-tifla li dak kollu li xehdet illum fuq l-abbuż u l-aġir tal-akkużat, huwa dak kollu li kien jagħmel missierha u l-eks partner t’ommha (mhux Dalli).
It-tifla kompliet tixhed li ommha filgħodu dakinhar tar-reat, rat ritratt fuq facebook tal-akkużat bis-sikkina ma’ qaddu, bix-xhud tkompli tgħid li ommha ħasset li jista jiġri xi ħaġa ħażina, bid-difiża targumenta għaliex l-omm ħalliet lill-uliedha waħedhom jekk bdiet tibża’ li se jinqala xi ħaġa.
Fil-Qorti d-difiża fakkret lit-tifla dwar l-krudiltà li għaddiet minnha hi flimkien ma’ ħutha taħt l-eks sieħeb ta’ ommhom (mhux l-akkużat) fosthom meta kienu jiġu mġiegħla jixorbu l-ħall u anke jsawwathom. Staqsiet ukoll lix-xhud jekk tiftakarx li l-eks sieħeb x’kien jitlob lill-omm tagħmel taħt theddid kontinwu, bl-avukat jinstema’ jgħid fl-awla li jittama li t-tifla tiftakar li kien jibgħat lill-omm tipprostitwixxi ruħha.
It-tifla qalet li kien hemm mumenti li qalgħat xi daqqiet mill-eks sieħeb ta’ ommha iżda qalet ukoll li qatt ma ġera warjahom bis-sikkina bħal ma’ ghamel Nazzareno Dalli.
Fix-xhieda tieghu t-tifel li kien l-ewwel xhud qal li fid-9 ta’ Marzu li għadda, kien fir-residenza fejn fil-Marsa, waqt li kien qiegġed jilgħab il-playstation u f’daqqa nqata’ d-dawl. Qal li kien staqsa lil oħtu jekk kienx inqata’ d-dawl u meta ħareġ mill-kamra tiegħu u ta’ ħutu, sab lil Dalli ma’ wiċċu.
Dan beda jistaqsih għal ommu u għal ħutu, bix-xhud jgħidlu li kienu isfel biex ma jikxifx fejn kienu. Kompla jgħid li Dalli ħareġ sikkina u beda jsegwih. Fl-istess waqt, oħtuqamet u Dalli mar għaliha u beda jtiha bis-sikina.
It-tifel kompla jgħid li oħtu ż-zgħira qamet ukoll u x’ħin ipprovat taħrab, waqgħqet, bl-akkuzat jaqbadha minn xahra u beda jagħtiha bis-sikina. It-tifel qal li x’ħin dar biex jara lil oħtu l-oħra ma sabiex fil-kamra u assuma li telghet tiġri fuq il-bejt tistaħba.
Huwa qal li prova jaħrab mir-residenza, bl-akkużat isegwieh, it-tifel hawn imbotta is-sufan biex ifixxklu u telaq jiġri l-barra mir-residenza. It-tifel qal li x’ħin ħarab, ra lil Dalli jitlaq minn fuq il-post jiġġoggja lejn il-pont tal-Marsa. Qal ukoll li fżħin minnhom Dalli dar lura u tbaxxa u hu fehem li poġġa s-sikkina wara l-bieb taħt biċċa.
Jgħid li ma jaħmilx lill-akkużat
Waqt il-kontra eżami id-difiża infurmat lix-xhud li huma għandhom fil-pusses tagħhom filmati tiegħu meħuda minn CCTV cameras fejn it-tifel jidher qed jikser għal triq oħra. Id-difiża staqsiet lix-xhud kif minn din it-triq seta’ jara lill-akkużat jaħrab minn fuq il-post, tant u aktar jara lill-akkużat ipoġġi l-istess sikkina wara l-bieb u taħt il-biċċa. .
It-tifel wieġeb li hu dejjem baqa’ fl-istess akkwati tat-triq tar-residenza taghhom. It-tifel ammetta wkoll fil-Qorti li lill-akkużat ma jaħmlux u dan fuq li għamel lil oħtu ż-żgħira li hija nnoċċenti. Fix-xhieda tiegħu t-tifel qal li Dalli kien f’sensih meta beda jagħti lilu u lil ħutu bis-sikkina.
Id-difiza qaltlu li fix-xhieda tieghu mal-Magistrat Victor Axiaq, it-tifel qal li Dalli tant kien xurban li ma bediex jara lil ħutu quddiemu. Waqt is-seduta it-tifel f’waqtiet biddel il-verżjoni u qal li kien xurban kif kien xehed mal-Magistrat.
Id-difiza reġgħet staqsiet fuq l-episodju meta Nazzareno Dalli ġera wara it-tifel bis-sikkina, bit-tifel jgħid li l-Pulizija qatt ma giet infurmata u li ommu ma setgħetx titlaq lill-akkużat għax kien jheddida u jwabilha l-affarijiet jekk tipprova ttemm ir-relazzjoni.
Fi tmiem is-seduta, l-Qorti laqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni li jinġatar espert bil-għan li jħejji pjanta u rapport tal-post fejn seħħ l-attentat ta’ qtil doppju. Is-seduta li jmiss hi programmata għad-19 ta’ Gunju fis-2:30pm
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Wayne Camilleri u l-avukati Etienne Savona u Manuel Grech għall-Avukat Ġenerali. Id-difiża tmexxiet mill-avukati Arthur Azzopardi, Jacob Magri, Mario Mifsud u Nicholas Mifsud u Franco Debono. Ghal parte civile qed tidher l-avukat Roberta Spiteri.
//= $special ?>

