L-IGM, fi stqarrija, ħarġet tikkundanna l-atteġjament ta’ Jason Micallef meta ħareġ jattakka lill-ġurnalisti.
Jason Micallef kien f’dibattitu waqt programm ta’ Andrew Azzopardi meta f’mument minnhom qabad ixejjer numru ta’ karti b’ritratti ta’ waħda mill-ġurnalisti ta’ Newsbook filwaqt li qal li l-ġurnalisti huma f’kollużjoni mal-establishment.
L-IGM qalu li dan l-attakk huwa prova ċara li Micallef “żelaq fin-niexef” b’attakki li qed jinstigaw mibgħeda fuq il-ġurnalisti ta’ pajjiżna. Dan meta Micallef saħansitra wera konverżazzjonijiet li l-ġurnalista kellha fuq il-laptop tagħha waqt konferenza tal-aħbarijiet li kien sejjaħ Joseph Muscat.
L-għaqda qalet li l-ġurnalisti se jispiċċaw joqgħodu attenti fuq dawk ta’ madwarhom biex jassiguraw li ħadd mhu qed jara xogħolhom, minflok jikkonċentraw fuq dak li jkun qed iseħħ f’xogħolhom. Xi ħaġa li qed thedded lill-midja ta’ pajjiżna u li qed tinstiga mibgħeda kontra l-ġurnalisti.
L-IGM qalet li din l-azzjoni hi waħda ta’ periklu u li kapaċi tħalli konsegwenzi serji u b’hekk ikkundannatu bis-saħħa.
//= $special ?>