Lokali

Myriam Spiteri Debono terġa’ tappella biex l-istituzzjonijiet jitħallew jaħdmu b’mod seren

“L-istituzzjonijiet inħalluhom jaħdmu b’mod seren.”

Kien dan l-appell li għamlet mill-ġdid il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono f’intervista fuq F Living meta kienet qed titkellem dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-Inkjesta Vitals.

Waqt dan il-programm, Spiteri Debono fakkret li dak kollu li qed iseħħ ifisser ħsara fuq pajjiżna stess.

“Min irid jinvesti f’pajjiżna, ma nagħmlux affarijiet li jkunu ta’ danni għalina. Jeħtieġ atmosfera serena, għaliex tgħin kif iħarsu lejn il-barranin u kif ngħixu aħna stess.”

Il-President irrimarkat fuq l-importanza tal-lealtà lejn il-poplu.

“Il-lealtà lejn il-pajjiż issarraf ukoll lejn il-poplu ta’ dak il-pajjiż.”

U quddiem l-attakki kontinwi lejn il-ġudikatura minn Robert Abela nnifsu, Myriam Spiteri Debono qalet li hi għandha fiduċja fil-ġudikatura ta’ pajjiżna.

“Jien għandi fiduċja kbira fil-persuni li qegħdin fil-ġudikatura.”

Intant, dwar il-pjan ekonomiku preżenti u l-mudell li qed jadotta pajjiżna… il-President ta’ Malta qalet li jeħtieġ pjan fit-tul.

“Biex iġġib stabbilità trid pjan fit-tul… tinkwetani li ma jkunx hemm qbil ekonomiku.”