Lokali

“Qed inxommu ftit demm” – Jason Micallef jibqa’ jattakka lill-Qrati

Micallef jallega li l-Kurja hi parti mill-establishment

Jason Micallef mar fuq il-programm ta’ Andrew Azzopardi u baqa’ jattakka lill-Qrati b’rabta mal-Inkjesta Vitals. Bil-ħabib ta’ Muscat jispara attakki fuq kulħadd; minn Repubblika sal-Partit Nazzjonalista, sal-Maġistrat inkwirenti.

“Saret ħsara minn dawn iċ-ċarlatani, avukati”, qal l-eks Segretarju Ġenerali Laburista – fl-istess nifs illi qal li l-attakki idejquh.

Micallef insista li bħalissa qed isir show fil-media, u stqarr li “qed inxommu ftit demm”. U fost għajat isteriku, qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ fl-Oppożizzjoni.

Fuq l-RTK, Jason Micallef qal illi Chris Fearne huwa vittma, għax ħadd ma jaf x’fiha din l-Inkjesta tal-Vitals.

Fl-istess programm, l-avukat Therese Comodini Cachia esprimiet tħassib kbir dwar l-attakki li qed isiru mill-Prim Ministru fuq il-ġudikatura. U fakkret kif din ir-retorika qed tagħmel ħsara kbira fuq isem Malta.

L-avukat Edward Debono, fuq l-RTK, spjega bil-kalma kollha l-proċess ta’ dak li jsir minn mindu tingħalaq inkjesta. U għalhekk, dak li qed isosti Jason Micallef – u l-Partit Laburista – dwar it-timing tal-Inkjesta Vitals mhux korrett.

Debono fisser ukoll kif f’każi bħal dawn, “kull prova ċirkustanzjali hija prova biżejjed għal kundanna”. U għalhekk issa f’idejn l-akkużati li jippruvaw l-innoċenza tagħhom.

Jattakka lill-media indipendenti

Intant, waqt il-programm fuq l-RTK, Jason Micallef qal li l-Kurja hija l-establishment. U spiċċa jattakka lill-ġurnalista ta’ Newsbook billi jxejjer ritratti tagħha u jsemmi isimha. Bl-avukat Comodini Cachia tikkundanna dan l-atteġjament kontra l-media indipendenti.