Artiklu tat-Times of Malta jikkonferma li l-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri ser jibqa’ jżomm miegħu żewġ uffiċjali ta’ grad għoli li qed jiffaċċjaw akkużi serji ta’ frodi, dan għaliex ma jemminx li għandu jeħles minnhom għal issa.
Is-segretarju permanenti tal-Ministeru ta’ Schembri, Ronald Mizzi u l-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija Projects Plus, James Camenzuli, huma fost 24 persuna li qed jaffaċċjaw akkużi kriminali dwar il-ftehim tal-2017 li l-gvern ta’ Muscat laħaq ma’ Vitals Global Healthcare biex imexxi tliet sptarijiet statali.
Minbarra li huwa l-ogħla impjegat taċ-ċivil tal-ministeru, Mizzi qed iservi wkoll bħala chairman tal-Malta Investment Management Company Limited, rwol li ngħatalu mill-istess Ministru.
Meta kkuntattjat nhar il-Ġimgħa mit-Times u mistoqsi dwar il-futur ta’ Mizzi u Camenzuli, il-Ministru saħaq li huwa ma jistax jieħu deċiżjonijiet mgħaġġla u li Mizzi “professjonali ħafna”, anke jekk b’dan l-emil qed jibqa’ jiddefendi l-ħażin u s-serqa eżorbitanti tal-400 miljun.
Mistoqsi jekk kienx xieraq li Mizzi jkompli fl-irwol tiegħu waqt li jiffaċċja akkużi ta’ frodi, Schembri wieġeb li huwa jemmen li l-Gvern għandu jibqa’ miexi ‘l quddiem, għaliex bħal Abela, ma jemminx jew aħjar ma jistax jemmen, li f’pajjiżna għandna kriżi li ma bħala, kriżi li daħluna fiha Schembri u sħabu.
Il-kummenti ta’ Schembri ngħataw qabel ma Chris Fearne ħabbar ir-riżenja tiegħu minn deputat Prim Ministru u l-irtirar tal-offerta tiegħu għal Kummissarju Ewropew il-Ġimgħa wara nofsinhar. Ikkuntattjat wara r-reżenja ta’ Fearne u s-saga tal-ittri bejnu u bejn Abela, Schembri qal li jżomm mal-kummenti preċedenti tiegħu.
Schembri tkellem hekk kif il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sejjaħ u tefa’ pressjoni lill-uffiċjali pubbliċi kollha li qed jiffaċċjaw akkużi biex iwarrbu sakemm jiġu konklużi l-proċeduri kriminali.
Intant, nhar il-Ħamis, il-Bank APS ħabbar li waqqa’ lill-eks segretarju permanenti tas-saħħa Joseph Rapa, li qed jiffaċċja akkużi identiċi ta’ frodi, mill-bord tad-diretturi.