Għajjat isteriku u diskors ta’ mibegħda fil-konfront ta’ min ma jaqbilx miegħu
Wara ġimgħa deskritta bħala waħda li ġabet terremot fil-Partit Laburista – wara ġimgħa sħiħa ta’ imminar fil-konfront tal-membri tal-ġudikatura, intimidazzjoni fuq il-ġurnalisti, u attakk fuq kull min ma jaqbilx miegħu – Robert Abela nfexx jgħajjat taħt it-tinda fil-pjazza tal-Mosta jkompli jxewwex lil niesu.
L-għada li sejjaħ laqgħa urġenti tal-Grupp Parlamentari Laburista, jumejn wara li rriżenjalu d-Deputat Prim Ministru u Ministru Chris Fearne, Abela kellu juri lill-partitarji li nġabru biex jisimgħuh li hu għadu fit-tmexxija tal-vapur…vapur li madanakollu jidher li qed jaħbat mal-blat.
Minkejja l-kundanni minn diversi akkademiċi, NGOs u korpi kostitwiti – Robert Abela kompla jinsisti li hu mhux qed jattakka lill-ġudikatura, minkejja li insista li l-persuni akkużati fl-Inkjesta tal-Vitals huma vittmi.
Qalb attakk partiġjan wieħed wara l-ieħor, il-Ħadd filgħodu Abela insista li l-Labour jinsab kburi bi Chris Fearne – l-istess Fearne li kien sejjaħ id-deal ma’ Steward bħala “The Real Deal” u l-istess Fearne li minkejja t-tajjeb li għamel matul ix-xhur tal-pandemija, qatt ma ħass li kellu jerfa’ responsabbiltà għal fatt li taħt it-tmexxija tiegħu pajjiżna ta miljuni ta’ ewro f’deal li l-Qorti ddikkjarat darbtejn bħala frawdolenti.
Robert Abela kompla jinsisti fuq il-babaw tal-establishment u l-forzi li jridu jwaqqfu lill-Gvern tiegħu – fejn saħaq li l-establishment huwa ddisprat u li jasal jagħmel minn kollox.
“Ma tgħaddix tagħhom le! Ma tgħaddix tagħhom le!”
Dikjarazzjonijiet surreali fosthom li hawn min irid ixerred il-firda u jkisser pajjiż.
Dan kollu għaliex il-ġustizzja qed tieħu l-perkors tagħha, b’uffiċjali għolja tal-Gvern jinsabu akkużati bi frodi, bl-Eks Prim Ministru Joseph Muscat u dawk qribu fosthom l-Eks Ministru Konrad Mizzi u l-Eks Chief of Staff tiegħu Keith Schembri b’ħasil ta’ flus u assoċjazzjoni kriminali.
Iżda, qalb l-għajjat u diskors biex inissel forma ta’ kuraġġ fost il-partitarji tiegħu qalb dan it-taqlib kollu li l-Labour għaddej minnu – naqas milli jikkundanna l-intimidazzjoni fuq il-ġurnalisti mwettqa mil-Labour u xprunata mill-attitudni tiegħu stess. Tixwix ċar fuq min qed iwettaq xogħol favur demokrazija sana.
Naqas ukoll milli jindirizza t-tħassib tal-korpi kostitwiti li qalb din il-maltempata u kriżi li ħakmet lill-Gvern, jinsabu ferm imħassba tant li sejħu laqgħa urġenti tal-MCESD.
Minflok, Abela jinsab determinat li jħalli f’posthom fost oħrajn lill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna u lis-Segretarju Permanenti Ronald Mizzi…minkejja l-akkużi li qed jaffrontaw.