Elezzjonijiet 2024 Lokali

“Flimkien nibqgħu naħdmu għalik” – il-Kap tal-PN Bernard Grech

Fid-diskors tiegħu f’San Ġwann, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech beda billi sellem lill-ommijiet kollha f’Jum l-Omm, b’mod partikolari lil Isabelle Bonnici, li għalmitna x’inhi verament l-imħabba tal-omm, u kif l-imħabba tal-omm ma tispiċċa qatt.

Bernard Grech sostna li hemm bżonn li l-Partit Nazzjonalista jkompli jaħdem sabiex ikun hemm għall-poplu. B’hekk, il-kandidati, id-deputati u l-membri tal-Partit Nazzjonalista għandhom l-għan li jaħdmu għall-Maltin u l-Għawdixn kollha.

Hu sostna li bniedem għandu l-għażla li jew għin il-poplu jew iżomm idu fuq il-poter u l-Prim Ministru qed ikompli jżomm mal-poter mingħajr ma verament jagħmel dak li hu l-aħjar għall-poplu, u kompletament jinsa li hawn kriżi demokratika serja f’pajjiżna.

L-istudenti kif ukoll diversi għaqdiet ukoll enfasizzaw li hawn kriżi, u l-istudenti wrew ċar ir-rabja tagħhom għal din is-sitwazzjoni bil-protesta li għamlu ftit ġranet ilu. Din il-kriżi dehret ċara wkoll meta l-Gvern ta’ Robert Abela vvota kontra l-inkjesta pubblika b’rabta mal-każ ta’ Jean Paul Sofia.

Bernard Grech sostna li Robert Abela hu ffukat biss fuq l-interessi tiegħu, u mhux tal-poplu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna wkoll li huma talbu biex issir diskussjoni dwar is-saħħa mentali f’pajjiżna, iżda l-Gvern Laburista kkanċella din il-laqgħa tant importanti minħabba l-kriżijiet li hemm għaddejjin fi ħdan il-Partit Laburista.

Hu kompla billi fakkar fl-istat diżastruż fl-Isptar Mater Dei, hekk kif l-isptar ewlienin ta’ pajjiżna sempliċiment mhux ilaħħaq mad-domanda, u l-Gvern mhu jagħmel assolutament xejn dwar dan, iżda minflok serqu €400 miljun mis-settur tas-saħħa u minflok użawhom f’deal skandluż.

Għal Robert Abela, Malta mhijiex art Ewropea, iżda art li jista’ jagħmel li jrid biha. Dan sostnieh għaliex minkejja li Chris Fearne rriżenja mill-kariga tiegħu minħabba akkużi serji, Robert Abela xorta riedu fil-kabinett tiegħu.

B’hekk, Bernard Grech sostna li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jiġġieled sabiex il-poplu Malti jġib lura dawn il-flus li nsterqu, u biex issir ġustizzja ġusta.

Bernard Grech sostna li flimkien, il-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem għal Malta aħjar, b’mudell ekonomiku li l-Maltin u l-Għawdxin verament se jibbenifika. Il-Partit Nazzjonalista jemmen fil-poplu, u jrid il-ġid ġenwin għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Bernard Grech temm billi ħeġġeġ lil kulħadd jattendi l-protesta li se ssir nhar it-Tnejn 13 ta’ Mejju fis-6pm quddiem il-Parlament fil-Belt.