Lokali

“Ieqaf instiga mibegħda lejn il-ġurnalisti” – l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin

L-IĠM jikkundanna bla riżervi attakk ieħor fuq il-membri tal-media, filwaqt li qed jappella biex tintemm l-instigazzjoni tal-mibegħda lejn il-ġurnalisti – xaqliba li tiżloq ħafna.

L-aħħar inċident li jinvolvi lill-uffiċjal tal-Gvern Jason Micallef huwa ta’ tħassib kbir fuq diversi għadd, fosthom il-mod kif apposta identifika ġurnalista biex ipoġġiha fil-pigeonhole tal-istabbiliment.

Micallef akkuża lill-ġurnalista ta’ Newsbook Monique Agius b'”kollużjoni mal-istabbiliment” wara li ritratti ta’ chat conversations fuq il-laptop tagħha ttieħdu bil-moħbi waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Micallef sostna li l-ġurnalist ta’ Newsbook “ingħatat mistoqsijiet” biex tistaqsi lil Muscat minn NGO.

Skont ilment uffiċjali li rċieva l-IĠM mingħand Newsbook, Micallef naqas milli jipprovdi kopja ta’ dawn ir-ritratti meta ntalab jagħmel dan, u li Agius ikkonfermat li ħadd mill-persuni msemmija minn Micallef ma kien għadda xi mistoqsijiet li kellhom isirulha waqt il-konferenza tal-aħbarijiet.

Irrispettivament mill-merti, l-IĠM huwa mħasseb serjament dwar kif ritratti taċ-chats tal-ġurnalista fuq il-laptop tagħha ttieħdu b’mod sigriet waqt konferenza stampa uffiċjali. L-IĠM sostna li l-ġurnalisti jridu jaraw daharhom meta jkunu qed jaħdmu.

L-IĠM jemmen li l-attakk tas-Sibt jibni fuq dawk li seħħew aktar kmieni fil-ġimgħa, meta l-Prim Ministru akkuża lil xi ġurnalisti u l-media houses tagħhom li qed jaħdmu għall-istabbiliment, li jimplika b’mod ċar li huma għedewwa tal-Istat u tal-poplu.

L-IĠM diġà kkundannat kummenti bħal dawn, u tennew li dan mhux aċċettabbli f’soċjetà demokratika. Il-Prim Ministru għandu jmexxi bl-eżempju. Hu u l-esponenti kollha tal-Gvern m’għandhomx jinstigaw mibegħda lejn il-ġurnalisti u l-media. Huwa perikoluż ħafna u jista’ jkollu konsegwenzi serji, li għalihom l-IĠM qed iżomm lill-Prim Ministru u lill-Gvern responsabbli.

L-IĠM ikompli jisħaq li l-ġurnalisti għandhom jingħataw il-libertà li jagħmlu xogħolhom, u jitkellmu ma’ kemm hemm bżonn nies u sorsi waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Li titkellem man-nies hija parti kbira minn dak li jagħmlu l-ġurnalisti u s-sorsi għandhom jingħataw protezzjoni sħiħa.

L-IĠM jesprimi l-appoġġ u s-solidarjetà sħiħa tiegħu ma’ Monique Agius u l-ġurnalisti kollha, u jħeġġiġhom ikomplu bil-ħidma tagħhom mingħajr biża’.