Lokali

“Il-poplu għandu jsemma’ leħnu fil-protesta ta’ għada” – Bernard Grech

“Il-protesta tat-Tnejn hija essenzjali għall-pajjiżna u għal dawk il-persuni li jridu l-ġid għal Malta – għaliex il-Gvern preżenti qed ikompli jagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.”

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’opinjoni ppubblikata fit-Times…fejn stqarr illi kien qed jittama li Robert Abela qatt ma jinżel f’livell tant baxx li saħansitra jinsa li huwa l-Prim Ministru ta’ Malta – fejn għadu sal-lum jiddefendi lil dawk il-persuni li qed jaffaċċjaw akkużi ta’ frodi fil-Qorti.

Huwa saħaq li fi kriżi bħal din, Robert Abela kellu jiddefendi l-ġudikatura u mhux jinfexx f’attakk wara l-ieħor. Dan apparti li Robert Abela spiċċa jattakka wkoll lill-ġurnalisti.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan huwa aġir mill-aktar inaċċettabbli speċjalment bir-retorika tal-establishment. Dan meta l-establishment mhu ħadd ħlief Robert Abela stess.

Bernard Grech fakkar kif saħansitra l-President Myriam Spiteri Debono ħasset il-bżonn li twissi li l-ġudikatura għandha tagħmel xogħolha f’ambjent seren u mingħahr pressjoni minn xi individwi. Dan apparti li anke numru ta’ għaqdiet ikkundannaw l-aġir ta’ Robert Abela u ddeskrivewh bħala wieħed perikoluż.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem se jibqa’ jaħdem favur il-poplu u hawnhekk fakkar li kien proprju l-Partit Nazzjonalista li ġab it-tliet sptarijiet lura.

Bernard Grech sostna li wasal il-mument li l-poplu jingħaqad sabiex jissalvagwardja d-demokrazija ta’ pajjiżna; bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jisħaq li l-ewwel pass huwa li n-nies jattendu l-protesta tat-Tnejn quddiem il-Parlament u t-tieni pass huwa l-elezzjoni tat-8 ta’ Ġunju li ġej.