Internazzjonali

Medda ta’ Gaza: Aktar eluf kostretti li jitilqu minn Rafah biex jevitaw l-impatt tal-offensiva

It-Tmexxija u l-Armata ta’ Iżrael ħarġu aktar direttivi biex iċ-ċivili Palestinjani joħorġu, bl-għexieren ta’ eluf, mill-belt ta’ Rafah li għandha dalwaqt tispiċċa l-mira ta’ offensiva kbira.

Dan ukoll meta l-Iżraeljani, fi tmiem il-ġimgħa, intensifikaw l-azzjonijiet militari fin-nofsinar u bnadi oħra ta’ Gaza — anki waqt li l-Prim Ministru ta’ Iżrael, Israeli Benjamin Netanyahu,  qal li l-ebda pressjoni mhi se żżomm lill-qawwiet tiegħu milli jeqirdu l-fortizzi tat-terroristi tal-Ħamas, f’Rafah.

Fl-aħħar sigħat, l-ajruplani ta’ Iżrael waddbu l-fuljetti għal fuq Gaza, bil-messaġġ biex ir-residenti fid-distretti tal-lvant jaqsmu lejn al-Mawasi…Inħawi viċin il-kosta u li l-Iżraeljani dikjarawhom bħala ‘estensjoni ta’ zona umanitarja’.

Il-messaġġi ntbagħtu wkoll fuq il-media soċjali u meta ħafna bnadi ta’ Rafah, illum, huma kważi abbandunati minħabba l-biża’ dwar il-burraxka li għandha tmiss lill-inħawi.

U waqt li l-Istati Uniti għadha tinsisti biex l-Iżraeljani jżommu lura mill-azzjonijiet li jħallu impatt dirett fuq iċ-ċivili ta’ Rafah, il-Gvern ta’ Netanyahu għadu determinat li jilħaq it-tragwardi militari. Dan minkejja li kull azzjoni tista’ tikkontribwixxi għal kriżi umanitarja dejjem akbar f’din il-belt.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, baqa’ f’kuntatt ma’ Iżrael bit-tama li jipperswadi lil Netanyahu biex iżomm lura mill-offensiva fuq Gaza .

Biden, fost oħrajn, qed jinsisti li waqfien mill-ġlied f’Gaza jibqa’ possibbli malli l-Ħamas jeħles lill-ostaġġi li ilhom f’idejhom mis-7 ta’ Ottubru…Il-jum meta l-Ħamas kienu infiltraw il-komunitajiet tal-Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera u fejn immassakraw il-mijiet tal-irġiel, nisa u tfal waqt attakk bla preċedent fl-istorja moderna.

Intant, il-qawwiet Iżraeljani qed ikollhom il-battalji ‘wiċċ-imb-wiċċ’ mal-ġellieda tal-Ħamas fl-inħawi ta’ Rafah. Dan waqt li l-uffiċjali Iżraeljani qalu li nstabu numru ta’ mini taħt l-art li l-Ħamas kienu qed jużaw biex imexxu l-armi u t-terroristi minn zona għal oħra fit-territorju ta’ Gaza.

Fl-aħħar sigħat, il-qawwiet tal-ajru Iżraeljani wkoll mexxew sensiela ta’ attakki fuq il-miri tal-Ħamas fid-diversi bnadi ta’ Gaza u fejn ikkonċentraw fuq il-bejtiet u l-infrastruttura tat-terroristi. Uħud mill-miri tat-terrur li sfaw attakkati kienu fiz-zona ta’ Jabaliya, lejn it-Tramuntana mbiegħda ta’ Gaza u wara li l-Iżraeljani kienu wkoll wissew lir-residenti biex jitilqu mill-inħawi.

Fi żviluppi oħra, il-Ħamas sparaw il-missili lejn il-belt tal-port ta’ Ashkelon, f’Iżrael, u li tinsab xi għaxar kilometri  ‘il hinn mill-fruntiera ta’ Gaza. Mifhum li fl-attakk indarbu numru ta’ ċivili iżda ħadd mhu f’periklu li jitlef ħajtu.

L-Iżraeljani, intant, qed ikomplu jespandu l-attivitajiet militari fin-nofsinar ta’ Gaza u meta l-komunità internazzjonali tinsab ferm inkwetata dwar x’se jiġri mill-1.5 miljun refuġjat tal-gwerra li kienu marru f’Rafah biex jaħarbu mill-qilla tal-konflitt (f’Gaza) li qabeż it-tmien xhur proprju dan ix-xahar.