Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’dispjaċir li l-Gvern għadu ‘l bogħod milli jikkonkludi l-ftehim kollettiv fl-MCAST, tant li nħarġu serje ta’ direttivi ġodda li se jkunu qed jimpattaw b’mod dirett lill-istudenti tal-Kulleġġ fl-aktar żmien delikat tas-sena akkademika. Din l-attitudni tal-Gvern, li ilha għaddejja matul din is-sena akkademika kollha, tkompli tikkonferma li Robert Abela mhux impenjat bis-serjetà biex jagħlaq il-ftehim li ilu skadut aktar minn sentejn u nofs u jagħti dak li ilu jwiegħed lil-letturi u lill-istudenti.
Dan ħareġ minn stqarrija tal-Partit Nazzjonalista f’isem ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’, Justin Schembri; u x-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda kontra l-Għoli tal-Ħajja, Ivan Castillo.
Sfortunatament, dan l-atteġġjament se jwassal biex mill-ġdid, l-istudenti tal-MCAST mhux se jkunu qed jingħataw il-marki tal-assessjar u mhux se jkollhom aċċess għal servizzi ta’ sapport jew monitoraġġ. Id-direttivi maħruġa mill-Union tal-Għalliema jordnaw biex ma ssir ebda komunikazzjoni bejn il-letturi, l-istudenti u d-Diretturi fost oħrajn. Id-direttivi jolqtu għalhekk lill-istudenti, lid-Diretturi, lid-Deputati Diretturi, lil-letturi, lil-LSEs, lill-Uffiċjali tar-Riċerka, lill-Operaturi Tekniċi, lill-Mentors u lis-Servizzi tal-Istudenti.
Hu evidenti li l-Gvern falla mill-ġdid fin-negozjati u, minħabba l-inkompetenza tiegħu, se jerġa’ jħallas l-istudent. Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jappella mill-ġdid lill-Gvern biex ma jibqax jipposponi n-negozjati u jixxaħħaħ mal-MCAST għax b’dan id-dewmien qed jikkundizzjona lill-Kulleġġ milli jopera b’mod awtonomu. Il-kundizzjonijiet tal-letturi u gradi oħrajn fl-MCAST għandhom jingħataw prijorità assoluta waqt li jkunu trattati kif jixraq immedjatament.
Il-Partit Nazzjonalista ilu jitkellem dwar dan id-dewmien għal dawn l-aħħar xhur.
//= $special ?>