Lokali

Il-Labour jgħid li “qatt ma tawh palata”

“Il-mezzi tax-xandir u l-Qrati qatt ma tawna palata” – Daniel Attard

Fi ħdan il-kuriduri ta’ Kastilja u ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista hemm kriżi ċara u tonda tant li issa minn l-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju tal-Unjoni Ewropea u l-Kunsilli Lokali saru issa vot ta’ fiduċja f’Robert Abela.

Dan hekk kif wara jiem li ġabu terremot fi ħdan it-tmexxija ta’ Abela – bir-riżenja tad-Deputat Prim Ministru wara li ġie akkużat bi frodi fl-Inkjesta Vitals – it-Tnejn filgħaxija taħt it-tinda f’Ħal Għargħur, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul saħaq li biex ma jħallix l-hekk imsejjaħ establishment jirbaħ… f’Ġunju hemm bżonn mandat għal Abela.

Dan filwaqt li Ellul ironikament sostna li se jibqa’ spalla ma’ spalla mal-Prim Ministru u mhux ma’ min qed jeżerċita politika ta’ intimidazzjoni.

Dan, ftit tal-jiem biss li l-membri tal-Gvern żvalutaw xogħol il-Maġistrat Gabriella Vella, bil-Prim  Ministru u uffiċjali tal-Gvern tal-Labour jintimidaw lill-ġurnalisti bil-kundanna tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin u mijiet ta’ akkademiċi fejn insistew li l-Gvern ma jistax jinstiga il-mibegħda fil-konfront ta’ min qed jaħdem favur id-demokrazija f’pajjiżna.

Minflok Robert Abela u sħabu ssoktaw bin-narrattiva kontra l-Maġistrat, kontra l-ġurnalisti u kontra min ma jaqbilx magħhom.

Dan wara l-aħħar skandlu fejn pajjiżna qed jara akkużati Deputat Prim Ministru, Segretarju Permanenti, Gvernatur tal-Bank Ċentrali, Eks Prim Ministru u Eks Ministri.

Taħt it-tinda tkellem il-kandidat għall-Parlament Ewropew Daniel Attard fejn surrealment issokta bit-tixwix fil-konfront tal-midja u l-Qrati hekk kif sostna li l-Labour qatt ma rċieva palata.

Ironikament wara li għal aktar minn darba x-Xandir Nazzjonali nstab għal aktar minn darba ta’ żbilanċ fir-rappurtaġġ tiegħu fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista.

Dan filwaqt li appella għal kalma…. huwa saħaq li quddiem dan kollu m’hemmx lok għal passività.

Finalment, f’dak li kien madwar ftit inqas minn siegħa – ebda kelma li hi kelma dwar il-kriżi tal-Vitals, għajr attakki partiġjani, attakki fuq il-Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti, u l-biża’ solita tas-suppost babaw tal-establishment.