Lokali

Il-PN b’laqgħa mal-Korpi Kostitwiti għal diskussjoni b’rabta mal-kriżi li l-Gvern Laburista tefagħna fiha

"In-nuqqas ta' separazzjoni tal-poter qed iġib Instabbilità u dgħufija tad-drittijiet tal-poplu"

Il-Partit Nazzjonalista sejjaħ laqgħa urgenti mal-Korpi Kostitwiti f’pajjiżna sabiex tiġi diskussa s-sitwazzjoni politika preżenti wara li nħarġu l-akkużi fil-konfront ta’ numru ta’ esponenti ewlenin b’rabta mal-iskandlu Vitals – storja li qed tħalli daqqa negattiva fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna barra minn xtutna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech fakkar dwar l-akkużi serji li numru sostanzjali ta’ nies qed jiġu akkużati bihom fil-Qrati Maltin, fosthom Segretarju Permanenti u Gvernatur tal-Bank Ċentrali. Huwa qal li t-tmexxija ta’ pajjiżna, dik ta’ Robert Abela, spiċċat tarmi għal kollox is-separazzjoni tal-poter, xi ħaġa li qed twassal għad-dgħufija tad-demokrazija ta’ pajjiżna.

Bernard Grech qal li l-attakki fuq il-midja u l-ġudikatura qed idgħajfu l-fiduċja tan-nies. Xi ħaġa meqjusa bħala perikoluża ferm hekk kif in-nies kapaċi ma jibqgħux iħossuhom komdi li jaffaċjaw il-Qrati Maltin.

Din il-laqgħa ġiet imsejħa għall-interess ta’ kull individwu sabiex pajjiżna ma jibqax nieżel ‘l isfel quddiem l-irresponsabbiltà ta’ Robert Abela u sħabu fil-Kabinett.

Bernard Grech irrimarka li l-interess ta’ pajjiżna għandu jiġi l-ewwel u qabel kollox, u jekk din ma tingħatax importanza, kulħadd se jiġi affetwat, hu f’liema settur hu.

Mario Sacco – UĦM Voice of the Workers

“Spiċċajna nesperjenzaw effetti negattivi fis-settur tagħna.”

Josef Vella – UĦM Voice of the Workers

“Is-sitwazzjoni ta’ pajjiżna tinsab għarkuptejha; Il-ħsara li saret fuq is-settur ta’ saħħa hi kbira; l-attakki fuq il-ġudikatura wasslu għal ħsara fuq l-istituzzjonijiet.”

Martin Balzan – MAM

“Qed naraw kollużjoni għad-danni tal-pazjenti.”

Mary Ann Sant Fournier – CMTU

“Is-settur tas-saħħa tilef ħafna.”

Joe Farrugia – MEA

“Qed naraw is-servizzi jiddeterjoraw minħabba l-aġir tal-awtoritajiet li wassal għal serq; id-deterjorazzjoni morali qed twassal għall-falliment tas-soċjetà.”

Tony Zahra – MHRA

“Jeħtieġ li l-proċessi fil-Qrati jħaffu sabiex ma tkomplix issir iktar ħsara fuq pajjiżna.”

Philip Fenech – Malta Chamber of SMEs

“Ir-realtà hi li hawn konfużjoni ta’ dak li huwa veru u dak li mhux; il-korruzzjoni taffetwa lis-setturi Maltin.”

Ben Rizzo – Civil Society Committee

“L-affarijiet qed jieħdu wisq fit-tul; il-proċess jeħtieġ jitħaffef.”

Preżenti għal din il-laqgħa numru ta’ Shadow Ministers, kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u membri minn għaqdiet fi ħdan il-Korpi Kostitwiti.

Ritratti: Matthew Tabone