L-aġir ta’ Robert Abela qiegħed juri li r-rwol ta’ Prim Ministru sar kbir wisq għal Robert Abela. Fid-dawl tal-kriżi li l-ogħla esponenti ta’ Gvern Laburista ġabuna fihom … il-Prim Ministru għandu jiftaħ għajnejh u jieħu azzjoni b’mod immedjat.
Dan qalu l-editur tal-Malta Independent fil-ħarġa tal-Ħadd … hekk kif qatt qabel fl-istorja ta’ pajjiżna ma smajna bi kriżi bħal din, fejn l-Eks Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat, id-Deputat Chris Fearne li ftit jiem ilu rriżenja mill-kariga ta’ Ministru tas-Saħħa, l-Eks Ministru Konrad Mizzi u l-Eks Ministru Edward Scicluna li preżentament għandu kariga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali … kollha qegħdin jiġu akkużati b’reati kriminali fil-Qorti, bi frodi u koruzzjoni.
Lura fl-24 ta’ Frar tas-sena 2023, il-Qorti ddeskriviet id-deal tat-tliet sptarijiet bħala “frawdolenti” – sentenza li ġiet ikkonfermata wkoll mill-Qorti tal-Appell f’Ottubru, u li żiedet tgħid li kien hemm xi forma ta’ “kollużjoni”.
L-Editorjal tal-Malta Independent fakkar kif li kieku kien għall-Gvern Laburista, kieku pajjiżna xorta waħda għadu jippompja l-miljuni ta’ ewro lil Steward minn ħalq il-poplu Malti u Għawdxi. Fil-fatt, budget wara l-ieħor, Gvern Laburista dejjem ivvota biex dawn il-miljun jingħataw mingħajr ebda rendikont ta’ fejn qed imorru.
Fi kliem l-editorjal …. huwa biss grazzi għall-Partit Nazzjonalista u Adrian Delia, li fetaħ kawża dwar dan id-deal skandaluż u ż-żejt tela f’wiċċ l-ilma, għaliex li kieku ma kinitx din il-kawża, il-ftehim qatt ma kienx se jiġi ddikjarat null u l-ftehim mal-barranin kien jibqa’ għaddej … minkejja li dawn ma kinux qed jonoraw l-obbligi tagħhom.
L-editur innota kif b’reazzjoni għal dan kollu, Abela u Muscat spiċċaw jattakaw il-ġudikatura … b’attentat biex jisħnu l-irjus u jintimidaw lill-maġistrati u l-imħallfin li se jkollhom jissorveljaw il-kawżi li ġew istitwiti.
L-isforzi tagħhom tant kienu sfaċċati li ġew ikkundanati mill-għaqdiet tal-istudenti, korpi kostitwiti, inkluz il-Malta Employers Association, il-Kamra tal-Kummerċ u l-Kamra tal-SMEs, 200 akkademiku tal-Università ta’ Malta, bankiera, professjonisti fis-settur tas-servizzi finanzjari, u l-Eks Prim Imħallef Said Pullicino.
Anke l-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, ħasset il-bżonn li tintervjeni fejn insistiet li l-ġudikatura għandha titħalla tiffunzjona f’atmosfera serena.
Il-Malta Independent iħoss li l-Prim Ministru Robert Abela qed jonqos milli jara kemm hi verament kbira din il-kriżi. Dan għaliex minflok qed ikompli jwaħħal fl-“establishment”, il-fatat inviżibbli li ħoloq hu stess sabiex jiddevja l-attenzjoni mill-għemil ħażin kollu li hu, il-gvern tiegħu u l-predeċessur tiegħu huma responsabbli għalihom.
Fi kliem l-editur tal-Malta Independent … it-tentattiv tiegħu li jwaqqaf lil Fearne milli jirriżenja huwa sinjal ieħor li mhux qed iħares lejn l-interessi tan-nazzjon, iżda moħħu biss biex l-ewwel jiddefendi l-interessi tal-Partit Laburista – il-Partit tiegħu stess li ħoloq din il-kriżi nazzjonali.
//= $special ?>