Lokali

JCI Malta terġa’ twassal il-programm Leaders of Tomorrow

JCI Malta se torganizza sessjonijiet tal-programm Leaders of Tomorrow għal din is-sena, bil-għan li jgħinu fil-formazzjoni tal-mexxejja tal-ġenerazzjoni li jmiss f’Malta.

Leaders of Tomorrow se sservi bħala pjattaforma għaż-żgħażagħ biex jipparteċipaw f’diskussjonijiet profondi, jiksbu għarfien siewi minn mexxejja stabbiliti, u jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa biex jiffaċċjaw l-isfidi ta’ kuljum u joħolqu bidla pożittiva fil-komunitajiet tagħhom u lil hinn.

Permezz ta’ sitt workshops interattivi, il-parteċipanti se jkollhom iċ-ċans li jtejbu l-kapaċitajiet tagħhom tat-tmexxija, jitgħallmu dwar mekkaniżmi biex wieħed jasal għal soluzzjonijiet professjonali, u jaqsmu ideat ma’ individwi li bħalhom għandhom għal qalbhom il-għan li jwasslu għal bidla pożittiva.

“Ninsabu eċċitati li nedejna l-Leaders of Tomorrow ta’ din is-sena bħala parti mill-impenn kontinwu tagħna biex nagħtu s-setgħa lill-mexxejja żgħażagħ u dawk li jfasslu l-bidla f’Malta,” qalet Florence Vermeiren, President Nazzjonali ta’ JCI Malta. “B’din il-pjattaforma għall-kondiviżjoni tal-għarfien, il-bini tal-ħiliet u l-kollaborazzjoni, aħna nixtiequ nispiraw lill-ġenerazzjoni l-ġdida bl-għodod u l-kunfidenza meħtieġa biex noħolqu futur aħjar għas-soċjetà tagħna.”

L-ewwel sessjoni ta’ Leaders of Tomorrow se ssir nhar l-Erbgħa, 15 ta’ Mejju, f’The Leadership Hub, f’Tas-Sliema. Is-sessjonijiet huma miftuħa għal kull min lest li jikseb kontroll fuq il-ħajja professjonali tiegħu, minn professjonisti u intraprendituri żgħażagħ, sa studenti, u kull min huwa entużjast dwar it-tmexxija u l-iżvilupp tal-komunità.

Is-sessjonijiet huma miġjuba minn UP Your Level u ser jiġu ppreżentati mis-CEO ta’ UP Your Level u head coach Julian Azzopardi, kif ukoll mill-coach Daphne Grech Cumbo. UP Your Level Malta toffri leadership coaching u mentoring, HR support services, corporate wellness services u online training.

Is-sessjonijiet huma bla ħlas għall-membri tal-JCI u jiswew €25 il-waħda għal dawk li mhumiex membri.