Lokali

“Jien mhux avukat” – Il-Ministru Abela mingħajr ebda garanzija wara li Steward fallew

Ta’ Steward għandhom $9 biljun f’dejn – kif ħa nġibu l-€400 miljun lura?

Waqt li l-Gvern ta’ Robert Abela qed iħabbat wiċċu ma’ kriżi mingħajr preċedent b’Deputat Prim Ministru jkollu jirriżenja għaliex għandu akkużi ta’ frodi fil-konfront tiegħu… u b’Eks Prim Ministru u Gvernatur tal-Bank Centrali akkużati bi frodi u ħasil ta’ flus… il-poplu għadu qed jistenna flusu lura. Il-miljuni li nsterqu minn dan id-deal frawdolenti.

Fl-istess waqt li l-inkjesta Vitals ingħalqet… fl-Istati Uniti sar magħruf li Steward Healthcare… ċioè s-suċċessuri ta’ Vitals Global Healthcare kienu fallew. Fil-fatt, il-kamra tal-aħbarijiet tas-CNN qed tirrapporta li Steward akkumulaw dejn enormi ta’ xejn inqas minn $9 biljun – kollass illi wassal għall-bejgħ ta’ 31 sptar.

Il-media internazzjonali qed tirrapporta wkoll li sal-aħħar tas-sajf iridu jaqtgħu 1.2 biljun dollaru li kienu ngħataw f’self, 6.6 biljun dollaru f’obbligi ta’ kera, madwar biljun dollaru ieħor f’kontijiet mhux imħallsa u ftit inqas minn tliet mitt miljun dollaru f’pagi. Dan kollu waqt li l-Maltin u l-Għawdxin qed jistennew l-€400 miljun dovut lilhom mill-istess kumpanija.

Kien għalhekk li t-Tnejn filgħodu Net News talab għal spjegazzjonijiet cari mill-Ministru tas-Saħħa dwar din is-sitwazzjoni. B’JoEtienne Abela jfarfarha fuq il-Minsitru Jonathan Attard għaliex fi kliemu stess… hu mhux avukat.

Dan filwaqt li insista li l-Gvern qed jagħmel minn kollox biex iġib dak li hu tal-poplu – iżda fl-ebda ħin ma ta garanzija li l-miljuni ta’ ewro li ġew misruqa b’dan id-deal se jiġu ritornati.

Ironikament skont, l-issa Eks Ministru Chris Fearne, dan kellu jkun “The Real Deal” fejn għal snin sħaħ iddefenda dan il-proġett flimkien mal-bqija tal-kabinett kemm ta’ Joseph Muscat kif ukoll ta’ Robert Abela, tant li għal budget wara ieħor taw il-miljuni ta’ ewro lil ta’ Steward minkejja li ma raw ebda obbligi jintlaħqu skont il-ftehim – ebda modernizzar tal-Isptar San Luqa, ebda żviluppi fl-Isptar Karin Grech, u ebda sptar ġdid fil-gżira ta’ Għawdex.