Basketball Sport

Kampjonat BOV Irġiel – FINALI: Starlites JSD jieħdu l-ewwel rebħa

(Ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Starlites JSD…………………………………..95

Mellieħa Libertas Spalding……………93

(25-31)(17-26)(33-19)(20-17)

Fi kwalunkwe sport, hija biss it-tisfira finali li tiddeċiedi l-verdett fl-aħħar ta’ kull partita. U huwa dan li offriet din l-ewwel finali tal-kampjonat Bank Of Valletta. Mellieħa kienu għal 38 minuta u 47 sekonda però xorta ma kienux biżżejjed biex jieħdu r-rebħa. Il-finali ma setax ikollom bidu aħjar hekk kif fi tmiem ta’ partita mill-isbaħ ic-Champions Starlites JSD bdew id-difiża tat-titlu li rebħu f-aħħar sentejn b’rebħa ta’ 95-83. Starlites kienu bl-aqwa formazzjoni possibli hekk kif għal din il-finali rkupraw ukoll lil Kurt Xuereb li tilef bosta xhur minħabba injury. Mhux l-istess jista’ jingħad għal Mellieħa fejn ippersistiet l-injury ta’ Vukassin Jandric minbarra dik fit-tul ta’ Isaac Bonett u l-coach Ian Terribile kellu biss seba’ players x’juża. Minkejja dawn in-nuqqasijiet kienu Mellieħa li bdew l-aħjar fost l-oħrajn bil-punti ta’ Kwame Thompson, David Bugeja u Alex Peacock u fir-raba’ minuta kienu 14-7 minn fuq.  Wara time-out minn Paul Ferrante, Starlites kellom trippla minn Matthew Scerri però Corrado Mercurio wkoll kellu trippla għal Mellieħa. Wara li Thompson għamel trippla oħra, Scerri kompla għaddej bit-three pointers flimkien ma’ Christian Hinckson biex fl-aħħar żewġ minuti Starlites naqqsu d-distakk għal ħames  punti 22-28. Starlites kellom trippla oħra minn Ian Felice Pace però Mellieħa għalqu s-sessjoni b’basket ta’ Tederick Wolfe għal skor ta’ 25-31. Fil-ftuħ tat-tieni taqsima Mellieħa kellom il-punti ta’ Ryan Carabott biex baqgħu fuq quddiem 36-29. Wara li Starlites naqqsu d-distakk bil-baskets ta’ Kurt James, Robert Bonnici għamel trippla għal Mellieħa segwita minn aktar punti ta’ Wolfe u Peacock għal skor ta’ 39-55.  Wara punti minn Davonte Craven u Matthew Attard għal Starlites, Mellieħa għalqu l-perjdodu bil-punti ta’ Thompson biex daħlu jistrieħu 15 minn fuq bi skor ta’ 42-57.

Wara l-intervall, Starlites bdew b’run ta’ 9-2 bi trippla ta’ Matthew Scerri biex naqqsu d-distakk għal 10 punti 61-51. Mellieħa wieġbu bi trippla ta’ Bonnici però Starlites komplew bir-rimonta fosthom trippla ta’ Alec Felice Pace. Starlites ħadu daqqa ta’ ħarta meta tilfu lil Ian Felice Pace bil-ħames foul fis-seba’ minuta u bil-Mellieħa fuq quddiem. Huma però urew karattru hekk kif  għamlu run ta’ 14-2 b’żewġ trippli ta’ Attard biex id-distakk niżel għal punt wieħed biss 75-76. Starlites kellom żewġ okkażjonijiet biex imorru minn fuq fl-ewwel minuta tal-aħħar taqsima però kien Wolfe li kabbar il-vantaġġ ta’ Mellieħa. Peacock kabbrilhom il-vantaġġ però fis-sitt minuta kellu jinbidel Bugeja wara li kkometta r-raba’ foul. Basket ta’ Craven naqqas id-distakk mill-ġdid għal Starlites 81-86 sa’ nofs is-sessjoni. Iż-żewġ timijiet baqgħu viċin xulxin tant li sa’ tlett minuti mit-tmiem il-vantaġġ ta’ Mellieħa kien ta’ 5 punti 90-85. Il-pressjoni għamlet tagħha hekk kif Wolfe falla tlett free-throws wara xulxin fil-waqt li n-naħa l-oħra Craven għamel tnejn minn tnejn u d-distakk nizel għal basket 91-93. Bugeja weġġa’ fl-aħħar 45 sekonda u għal xi ħin kellu jinbidel. Fl-aħħar 40 sekonda trippla ta’ Alec Felice Pace poġġiet lil Starlites għall-ewwel darba minn fuq. Peacock fl-attakk ta’ wara falla żewġ free-throws u Starlites skurjaw wieħed minn tnejn minn Craven u fl-aħħar 8 sekondi Starlites kienu 95-93 minn fuq. Fl-aħħar attakk it-trippla ta’ Peacock ma daħlitx u lanqas l-offensive rebound ta’ Bugeja biex Starlites ħadu r-rebħa fuq skor finali ta’ 95-93.

Starlites JSD: A. Felice Pace 11, C. Hinkson 11, M. Attard 13, S. Aquilina, I. Felice Pace 5, L. Riolo, M. Scerri 23, D. Craven 18, L. Farrugia, K. Xuereb 2, N. Sultana, K. James 12.

Mellieħa Libertas Spalding: T. Wolfe 23, D. Bugeja 6, R. Bonnici 13, R. Carabott 11, A. Peacock 18, K. Thompson 17, C. Mercurio 5.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Fiorentina Ciurariu