Lokali Qorti

Kontestata ċaħda għal referenza kostituzzjonali fuq femiċidju li qed jallega diskriminazzjoni

Kolumbjan li qed jiġi mixli li qatel lill-eks sieħba tiegħu f’Jannar li għadda, qed jallega li l-fatt li ma ngħatax permess li ssir referenza kostituzzjonali dwar il-liġi tal-femiċidju hija waħda diskriminatorja għall-aħħar u tmur kontra u li hi diskriminatorja skont il-Konvenzjoni Ewropea għad-dritt ta’ smiegħ xieraq.

F’rikors ippreżentat fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili-Sede Kostituzzjonali, minn Fabian Eliuth Garcia Parada ta’ 39 sena, kontra l-Avukat tal-Istat u l-Avukat Ġenerali, jintqal li huwa tressaq fl-14 ta’ Jannar 2024 akkużat b’omiċidju volontarju ta’ Sandra Ramirez (ritratt) u għaddej bi proċeduri quddiem il-Maġistrat Monica Vella.

L-akkużat qal li peremzz tal-Avukati tiegħu kien qajjem talba għar-referenza kostituzzjonali ai termini tal-Artikolu 46(3) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u talab sabiex a tenur tal-Artikolu 402(1)(d) li żminijiet imessimija fl-Artikoli 401, 407, 432(3) jiġu sospiżi.

Huwa qed jikkontendi li l-qafas leġiżlattiv introdott bl-Att X ta’ 2022 jikser u se jilledi d-drittijiet fundamentali tiegħu. Qal li l-Qorti tal-Maġistrati ċaħdet it-talba għar-referenza kostituzzjonali permezz ta’ digriet li ngħata fis-6 ta’ Frar li għadda.

Tenna li skont il-liġi dwar l-omiċidju mwettaq b’passjoni istantanja jew aġitazzjoni tal-moħħ, dawn huma ċirkostanzi relatati ma’ reat ta’ femiċidju. Tenna li llum fil-liġi għandna sitwazzjoni fejn l-akkużat ma jistax jeċepixxi l-iskużanti tal-passjoni instantanea, purament għaliex l-allegat vittma hija mara.

Qal li tali skużanti ilu fil-liġi sa mill-promulgazzjoni tal-Kodiċi u l-akkużat qiegħed jiġi impedut milli jirrikorri għal tali skużanti tal-passjoni instantanea u dan solament abbażi ta’ ġeneru. Dan kollu huwa leżiv tad-drittijiet inerenti tal-esponenti kif kontemplati fl-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea (dwar diskriminazzjoni) u l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea fuq id-dritt ta’ smiegħ xieraq u l-Artikolu 39 tal-Kostituzzjoni (ukoll fuq id-dritt ta’ smiegħ xieraq).

Dwar il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni, il-Konvenzjoni Ewropea tipprovdi rimedji li tgħid li jekk issir xi diskriminazzjoni fuq xi dritt li huwa diġà qiegħed fil-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Illi hawnhekk jidher li, akkużati fuq l-istess reat u ċioè dak ta’ omiċidju volontarju, ma jistgħux iressqu l-istess difiża minħabba dawn iċ-ċirkostanzi.

Ir-rikors jgħid li l-akkużat huwa impoġġi f’sitwazzjoni żvantaġġuża meta kkomporat ma’ nies akkużati similarment. Barra minn hekk, l-Artikolu 211A introdott fil-Kodiċi Kriminali f’Ġunju tas-sena 2022 permezz tal-Att X tal-2022, introduċa sensiela ta’ ċirkostanzi aggravanti li jikkwalifikaw l-omiċidju volontarju jew it-tentattiv ta’ omiċidju volontarju bħala femiċidju jew tentattiv ta’ femiċidju.

Hawn f’’każ ta’ sejbien ta’ ħtija, dawn il-fatturi aggravanti femiċidali jiimmilitaw kontra l-għoti ta’ piena mhux ħarxa. L-akkużat qed jilmenta mill-fatt li ċ-ċaħda mid-dritt t’aċċess għall-Qrati għal referenza kostituzzjonali qed tpoġġih fi żvantaġġ kbir.

Il-Kostituzzjoni ta’ Malta riedet li meta jqum argument kostituzzjonali quddiem xi Qorti, li ma tkunx il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, li dik il-Qorti tirreferixxi l-kwistjoni quddiem il-Qorti kompetenti. L-unika ċirkostanza ipotiżżata fil-Kostituzzjoni li tagħti deskrizzjoni lil dik il-Qorti partikolari li tiddiklina milli tagħmel referenza simili hija meta dik il-Qorti tkun tħoss li l-materja tkun waħda frivola.

Ir-rikors jgħid ukoll li l-Kostituzzjoni ma ridetx li dik il-Qorti kellha tagħmel xi eżami profond li jinċidi fuq il-mertu għax tali mertu jaqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Qorti vestita b’poteri kostituzzjonali. Għalhekk id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Maġistrati hija wkoll leżiva tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti kif sanċiti mill-Artikolu 39 tal-Kostitzzjoni ta’ Malta u mill-Artikoli 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dan kollu, l-akkużat qed umilment jitlob lil din il-Qorti jogħġobha tiddikjara u tiddeċiedi li l-qafas leġiżlattiv introdott bl-Att X tal-2022 qiegħed jikser u se jisker id-drittijiet fondamentali tiegħu kif salvagwardjati mill-Artikolu 39 u 45 tal-Kostitzzjoni ta’ Malta u mill-Artikoli 6 u 14 Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

F’każ li t-talba tiġi milqugħa, għandha tagħti r-rimedji effettivi u xierqa fiċ-ċirkostanzi sabiex jiġu salvagwardjati d-drittijiet fondamentali tal-akkużat. Fabian Eliuth Garcia Parada ma jistax jirrikorri għall-argument tal-“crime of passion”.

Hu qed jiġi akkużat li qatel lil Sandra Ramirez ta’ 43 sena, li nstabet mejta b’daqqiet ta’ sikkina f’appartament fi Triq Sir George Borg fit-13 ta’ Jannar. Quddiem il-Maġistrat Monica Vella kien diġà qam il-punt dwar il-fatt li r-raġel qed jiġi akkużat b’femiċidju.

Garcia Parada kien mar hu stess l-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema u qalilhom: “Qtilt lill-eks sieħba tiegħi f’argument ġewwa d-dar tiegħi.” Huwa madankollu qed jiċħad akkużi ta’ omiċidju volontarju aggravat bħala femiċidju u li kellu arma waqt li kien qed jagħmel ir-reat.

L-akkużat, qed jiġi kkużat bir-reat aggravat ta’ femiċidju li kien ġie introdott taħt il-Kodiċi Kriminali fl-2022 u jagħmilha suġġett għal piena aktar ħarxa.

Id-difiża f’dan il-każ hija mmexxija mill-avukati Josè Herrera, Yanika Bugeja u Matthew Xuereb, fejn qed tagħmel referenza kostituzzjonali u titlob biex Garcia ma jiġix akkużat b’femiċidju.