Lokali Qorti

Ma nkiser ebda dritt meta żewġ atti tal-akkuża saru b’mod separat u mar 10 snin ħabs

Il-Qorti Kostituzzjonali ma laqgħetx l-appell ta’ Brian Godfrey Bartolo ta’ 52 sena li qal li nkisrulu d-drittijiet fundamentali tiegħu meta ġie kkundannat 10 snin ħabs f’żewġ sentenzi separati fuq traffikar ta’ cannabis u kokaina f’każijiet li jmorru lura għall-2009 u l-2011.

Bartolo residenti San Pawl il-Baħar, appella mis-sentenza mogħtija mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, tal-31 ta’ Mejju 2023, li biha wieġbet għal referenza ordnata mill-Qorti tal-Appell Kriminali billi ddikjarat li l-fatt li l-appellant m’għandux jedd jiltob li żewġ atti ta’ akkużi jingħaqdu flimkien, kuntrarjament għad-dritt li għandu l-Avukat Ġenerali, ma tiksirx il-jedd fundamentali għal smigħ xieraq,

Dan għalhekk m’hemmx ksur tal-Artikoli 39 tal-Kostituzzjoni u 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Il-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul ċaħdu t-talbiet ta’ Bartolo.

Fil-każ li seħħ f’Lulju tal-2009, Bartolo ammetta li ttraffikka 287 gramma kokaina b’purità ta’ 41.7 fil-mija, 1829.91 gramma raża tal-cannabis b’purità ta’ 8.1 fil-mija, u li kien fil-pussess tad-droga eroina fl-ammont ta’ 0.19 gramma b’purità ta’ 35.2 fil-mija.

Fil-każ ta’ Jannar 2011, Bartolo ammetta għall-akkużi ta’ assoċjazzjoni għall-fini ta’ traffikar ta’ 981 gramma raża tal-cannabis b’purità’ ta’ 8.8 fil-mija. Il-Qorti, li fiż-żewġ każijiet kienet preseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti, qieset ukoll li Bartolo huwa riċediv, fejn diġà ġie kkundannat fuq każijiet oħra marbuta mad-droga.

Qieset ukoll l-ammissjoni fi stadju bikri tal-proċeduri u r-rapport tal-uffiċjal tal-probation dwar il-progress li dan għamel f’ħajtu biex jirriforma ruħu, fejn anki kiseb kwalifiki akkademiċi. Il-Qorti kienet iddeċidiet li Bartolo għandu jibbenefika minn tnaqqis ta’ żewġ gradi fil-piena, u għażlet li ma titrattax miegħu fuq ir-reċidiva.

Fuq il-każ tal-2009, Bartolo kien ikkundannat ħames snin ħabs u multa ta’ €20,000, u kien ordnat iħallas €1,950 fi spejjeż tal-esperti, waqt li fuq il-każ tal-2011 kien ikkundannat ħames snin oħra ħabs u multa ta’ €12,000, kif ukoll €960 fi spejjeż.

L-Avukat Ġenerali kien ħareġ att ta’ akkuża kontra l-appellant, u akkużah talli fl-4 ta’ Lulju 2009 u ġranet,
ġimgħat u xhur ta’ qabel, ittraffika u kien fil-pussess tad-droga kokaina, u ttraffikaha u kien fil-pussess tal-pjanta cannabis, u kien fil-pussess tad-droga eroina. Kien akkużat ukoll li hu reċidiv.

L-Avukat Ġenerali kien talab li l-akkużat jingħata piena ta’ għomru l-ħabs. Fl-istess ġurnata l-Avukat Ġenerali ħareġ att ta’ akkuża oħra kontra Bartolo u akkużah talli fil-31 ta’ Awwissu 2015 assoċja ruħu ma’ persuni f’Malta jew barra minn Malta sabiex ibigħ jew jittraffika d-droga f’Malta (raża meħuda mill-cannabis); talli fil-25 ta’ Jannar 2011 u matul il-jiem, ġimgħat u xhur ta’ qabel ittraffika u kien fil-pussess tar-raża meħuda mill-cannabis. Kien akkużat ukoll li hu reċidiv. L-Avukat Ġenerali talab li l-akkużat jingħata piena ta’ għomru l-ħabs.

Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti qalet li hu l-Avukat Ġenerali li joħroġ l-atti ta’ akkuża, u għalhekk l-għażla hi f’idejh joħroġx att ta’ akkuża waħda jew iktar. Mhuwiex magħruf x’kienet ir-raġuni għalfejn fl-istess ġurnata l-Avukat Ġenerali ħareġ żewġ atti ta’ akkuża separati minflok att ta’ akkuża wieħed.

Madankollu, jibqa’ l-fatt li dik kienet prerogattiva tiegħu, u m’hemmx indikazzjoni li kien hemm xi abbuż bil-mod kif ipproċeda. Hu evidenti li l-appellant kellu l-opportunità kollha li jressaq il-każ tiegħu taħt kundizzjonijiet li ma jpoġġuhx f’xi żvantaġġ sostanzjali mal-prosekuzzjoni.

Il-kwistjoni li qajjem l-appellant dwar il-fatt li ma setax jitlob lill-Qorti Kriminali biex tgħaqqad iż-żewġ atti ta’ akkuża f’waħda, hi rilevanti għall-finijiet ta’ piena. M’għandhiex x’taqsam mad-determinazzjoni tal-ħtija tal-akkuża kriminali. Dan ma jfissirx li l-jedd għal smigħ xieraq japplika biss sal-mument li tingħata deċiżjoni dwar il-ħtija, o meno tar-reati li bihom ikun ġie akkużat. L-Art. 6(1) abbinat ma’ paragrafu
(3) japplika wkoll fl-istadju tal-piena. L-istess japplika fir-rigward tal-Art. 39 tal-Kostituzzjoni.

Il-Qorti tosserva li l-każ tal-appellant għadu sub judice quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali. Wieħed mill-aggravji hu proprju dwar il-piena u għalhekk dik hi materja li għad trid tiġi mistħarrġa mill-Ewwel Qorti;
Jekk għall-grazzja biss tal-argument japplika l-Artikolu 18 tal-Kodiċi Kriminali għall-każijiet tal-appellant, kieku ħareġ att ta’ akkuża waħda m’hemmx garanzija li kien ser jiġi kkundannat għall-piena inqas.

L-akkużi li kellu fuq rasu Bartolo jġorru piena massima ta’ għomor il-ħabs apparti li fl-applikazzjoni tal-Art. 18, il-Qorti tista’ żżid il-piena minn grad sa żewġ gradi. Fid-deċiżjoni li tat il-Qorti tal-Appell Kriminali fit-22 ta’ Ottubru 2021, għamlitha ċara li meta tiġi biex tikkunsidra l-aggravju dwar il-piena li tatu l-Qorti Kriminali, għandha s-setgħa, “…. illi tilqa’ għall-effetti kuntrarji maħluqa bin-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 18 tal-Kodiċi Kriminali”.

Mela l-Qorti tal-Appell Kriminali diġà għamlet il-pożizzjoni tagħha ċara. Dik wara kollox hi l-pożizzjoni tal-ġurisprudena li l-appellant stess għamel referenza għaliha f’paragrafi 23 u 24 tar-rikors tal-appell, u li semmiet il-Qorti tal-Appell Kriminali fis-sentenza li tat dwar l-ewwel aggravju tal-appell tal-appellant.

Għalhekk hemm prattika ġudizzjarja ċara li l-qrati jikkunsidraw dak li jipprovdi l-Art. 18 minkejja li jkun hemm iktar minn att ta’ akkuża wieħed. Apparti l-fatti li m’hemm xejn fil-liġi ordinarja li ma jippermettix li jsir dak l-eżerċizzju.

Għalhekk, hu żbaljat l-appellant meta jgħid li mhijiex issir ġustizzja minħabba nuqqas ta’ bilanċ bejn il-poter tal-prosekuzzjoni u d-drittijiet tal-akkużat li jibbenifika minn vantaġġi legali. Fiċ-ċirkostanzi l-Qorti taqbel mal-konklużjoni li għamlet l-Ewwel Qorti u ssib li l-appell tal-appellant mhuwiex ġustifikat.
Għal dawn il-motivi tiċħad l-appell bl-ispejjeż kontra l-appellant.