Lokali

“Minkejja l-ostakli kollha ta’ Robert Abela l-Partit Nazzjonalista ħa jibqa’ jaħdem għall-ġustizzja vera” – Michael Piccinino

“Għandna Prim Ministru li ma jridx jagħmel diskussjoni… Prim Ministru li jgħid mod u jagħmel l-oppost”. Hekk stqarr is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjoanlista Michael Piccinino meta indirizza lill-poplu Malti u Għawdxi miġbura għall-protesta li saret illejla fil-Parlament.

Piccinino saħaq li qed ngħixu f’pajjiż fejn il-Prim Ministru jgħid li jrid li l-istituzzjonijiet jaħdmu u mbagħad jagħmel minn kollox biex ma jħallihomx jaħdmu bħalma għamel il Partit Laburitsa fejn attakka x-xogħol tal-Qorti.

Huwa saħaq li l-Prim Ministru ma jridx li l-poplu jkun jaf il-verità. Fil-fatt, din il-ġimgħa l-Qorti sabet lill-PBS ħati li kiser mhux biss id-drittijiet fundamentali tal-Partit Nazzjonalitsa, imma d-drittijiet li tkun taf il-verità. Għalhekk, Robert Abela qed jipprova jikkontrolla l-Awtorità tax-Xandir ukoll.

Huwa fakkar kif il-Partit Laburista wiegħed tliet sptarijiet ġodda u l-poplu baqa’ b’xejn. Piccinino nnota kif il-Qorti kemm-il darba kkundannat l-akbar frodi li qatt saret f’Malta fir-rigward tal-isptarijiet.

Piccinino indirizza lil Robert Abela u stiednu sabiex nhar l-Erbgħa jmur il-Qorti u jiddikjara li ser jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista biex dawk li serqu lill-Maltin iroddu l-flus lura. “Però, Abela mhux favur Malta dejjem imma kontra Malta dejjem. Il-Partit Nazzjonalista jrid jaħdem għal ġustizzja vera sabiex il-poplu Malti kollu jieħu flusu kollha lura”.

Piccinino qal li minkejja l-Prim Ministru sostna li jrid li l-inkjesta maġisterjali tiġi ppubblikata, huwa xorta ma jridx jippublikaha.