Lokali Parlament

Robert Abela jerġa’ jimblokka diskussjoni parlamentari dwar il-kriżi politika


Mozzjoni għal diskussjoni parlamentari dwar il-kriżi politika preżenti maħluqa mill-korruzzjoni tal-isptarijiet imressqa mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, reġgħet sabet l-oġġezzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela biex ma tkunx diskussa.

L-Ispeaker ma laqax il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni u d-dibattitu ma sarx.


Fis-seduta parlamentari tal-lum, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Gech qal li l-pajjiż għaddej minn żminijiet delikati fejn numru ta’ persuni jinsabu akkużati b’diversi akkużi fi proċess li se jibda fil-ġranet li ġejjin. Fosthom hemmm politiċi u uffiċjali tal-gvern.


Hu ressaq mozzjoni biex il-parlament jaġġorna biex jiddiskuti n-nuqqas ta’ riżenja jew tneħħija ta’ Edward Scicluna minn Gvernatur tal-Bank Ċentrali, u ta’ Ronald Mizzi minn Segretarju Permanenti fil-Ministru tal-Enerġija wara li kien magħruf li dawn se jitressqu l-Qorti.


Dawn it-tnejn qed jokkupaw karigi pubbliċi u l-Prim Ministru qed iżommhom fl-istess kariga minkejja l-akkużiu gravi; liema akkużi f’kull pajjiż demokratiku jwasslu għal tkeċċija jew riżenja. Din hi kwistjoni ta’ natura urġenti għaliex il-poplu Malti għandu dritt li ma jkollux persuni f’dawn il-kargi li huma akkużati b’reati gravi u serji.


Il-Prim Minstru Robert Abela oppona l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni u qal li hu evidenti li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed iwettaq strateġija li minkejja r-rulings tas-Sedja, jibqa’ jressaq mozzjonijiet fuq l-istess mertu. Hu sostna li r-raġunijiet li s-Sedja ċaħdet l-ewwel żewġ mozzjonijiet tal-Oppożizzjoni għandhom iwasslu biex anki din il-mozzjoni tkun miċħuda. Il-Prim Ministru qal li l-Parlament m’għandux jintuża għal diskussjoni dwar proċeduri kriminali.


Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech wieġeb li l-Prim Ministru lanqas irid li l-Oppożizzjoni tuża l-għodda li jippermettu r-regolamenti tal-Kamra biex jitressqu mozzjonijiet għaliex il-Prim Ministru hu maħkum mill-patt imxajtan li għamel u ma jridx li ssir diskussjoni.


Is-seduta kienet sospiża sakemm l-Ispeaker jagħti ruling dwar il-mozzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Fir-ruling l-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li l-mozzjoni hi waħda ta’ urġenza pubblika iżda ma laqax il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni minħabba l-proċeduri li hemm fil-Qorti kontra l-persuni msemmija. Hu qal li jifhem li l-Parlament għandu jiddiskuti s-sitwazzjoni preżenti, u aktar u aktar wara li l-inkjesta tkun pubblikata.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech irrimarka li l-poplu Malti li hu s-sid tal-isptarijiet u tal-€400 misruqa b’kollużjoni mal-kriminali, mhux qed jingħata l-opportunità ta’ dibattitu fil-Parlament. Jidher ċar li anki l-Prim Ministru mhux preżenti fil-Parlament għaliex jibża’ mill-poplu li hemm fil-pjazza. Il-Prim Ministru qed jibża’ mill-poplu u mill-verità u l-Parlament ma jistax jiddiskuti dak li qed jaffettaw lill-pajjiż, sostna Bernard Grech.

F’dan il-mument, il-membri tal-Oppożizzjoni tefgħu kopji ta’ ewros fil-Parlament lejn in-naħa tal-Gvern.