Internazzjonali Kurżitajiet

‘The Crown’ ma jirbaħ ebda unur waqt il-BAFTA Awards

Is-serje ta’ fama internazzjonali ‘The Crown’ ma rebħet ebda unur waqt il-Bafta Awards li saru l-Ħadd filgħaxija. Dan minkejja li din is-serje tant popolari kellha xejn anqas minn tmien nominazzjonijiet.

L-akbar serata tas-sena għall-kalendarju televiżiv – il-BAFTA TV Awards kienet dominata minn Top Boy, Happy Valley u The Sixth Commandment li ħadu żewġ unuri kull wieħed.

Happy Valley rebaħ l-unika unur li jiddependi mill-voti tal-pubbliku għall-aktar mument memorabbli; dan filwaqt li l-attriċi Sarah Lancashire għal darb’oħra rebħet l-unur tal-aqwa attriċi għall-parti tas-surġent tal-Pulizija Catherine. Lancashire kienet rebħet l-unur għal dan ir-rwol lura fl-2017.

Minn ‘The Sixth Commandment’, l-attur Timothy Spall rebaħ l-unur għall-aqwa attur. Dan filwaqt li s-serje popolari ‘Top Boy’ rebaħ l-unur għall-aqwa drama, bl-attriċi Jasmine Jobson tirbaħ l-unur għal best supporting actress.

Squid Game: The Challenge rebaħ l-unur għall-aqwa reality TV series, filwaqt li l-Eurovision Song Contest tas-sena li għaddiet rebaħ l-unur għal live event coverage.

Intant, matul is-serata tal-BAFTA Awards tfakkret il-memorja ta’ dawk il-personalitajiet li mietu fl-aħħar sena, fosthom l-attur ta’ Lord of the Rings Bernard Hill, kif ukoll l-attur tas-serje ta’ fama internazzjonali Friends Matthew Perry.