“Is-sewwa jirbaħ jekk aħna flimkien nissieltu għalih għaliex is-sewwa ma jistax jirbaħ waħdu. Il-Partit Nazzjonalisa se jkompli jissielet sakemm il-poplu jkun jaf il-verità kollha.”
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt protesta li saret quddiem il-Parlament għaliex il-Maltin jixirqilhom aħjar.
Waqt id-diskors tiegħu, Bernard Grech saħaq li Edward Scicluna għandu jirriżenja minn Gvernatur tal-Bank Ċentrali u mill-Bord tal-Gvernaturi tal-Bank Ċentrali Ewropew. Dan filwaqt li anke Ronald Mizzi għandu jirriżenja minn Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi.
Għal darb’oħra l-Kap tal-Partit Nazzjonalisra tenna li kull min hu akkużat f’dan il-każ u jokkupa kwalunkwe kariga pubblika, għandu jirriżenja.
Bernard Grech fakkar li l-Partit Nazzjonalista għamel kisbiet kbar fil-passat li se jibqgħu hemm għal dejjem. Huwa fakkar li l-poplu ġġieled għall-Indipendenza, għad-demokrazija kif ukoll għall-Ewropa.
Apparti minn hekk, Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jinsisti li l-Inkjesta Maġisterjali b’rabta ma’ dan id-deal frawdolenti tiġi ppubblika, dan għaliex il-poplu Malti u Għawdxi ħaqqu jkun jaf il-verità kollha.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella sabiex il-Gvern ta’ Robert Abela jiddikjara x’qed jagħmel sabiex iġib lura l-€400 miljun li nsterqu mill-bwiet tal-poplu Malti u Għawdxi f’din l-akbar frodi.
Intant, Bernard Grech sostna li l-Partit Nazzjonalista determinat li jkompli jaħdem sabiex il-pajjiż ibiddel id-direzzjoni ħażina li qabad għaliex il-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu aħjar.
//= $special ?>