Chris Fearne u Edward Scicluna se jidhru fil-Qorti Kriminali fid-29 ta’ Mejju quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana, hekk kif qed jiffaċċjaw akkużi ta’ frodi relatati mal-ftehim tal-isptarijiet. Din id-data tal-Qorti taqa’ ġurnata waħda biss wara li l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat li wkoll se jidher fil-Qorti Kriminali biex iwieġeb għall-akkużi ta’ ħasil ta’ flus, tixħim u assoċjazzjoni kriminali, fost reati oħra.
Dan l-iżvilupp kollu seħħ wara l-konklużjoni tal-Inkjesta tal-Vitals, fuq il-ftehim li ra l-privatizzazzjoni ta’ tliet sptarijiet tal-istat, li issa laħqet il-qofol tagħha fejn politiċi għolja u uffiċjali tal-gvern huma allegatament implikati u li għalhekk tressqu akkużi kriminali kontrihom.
L-Eks Deputat Prim Ministru Fearne, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Scicluna u 13-il persuna oħra, fosthom tliet impjegati taċ-ċivil, huma fost lista tat-tieni livell ta’ akkużati li se jiffaċċjaw akkużi b’rabta mal-każ. Fearne u Scicluna, kif ukoll dawk kollha elenkati magħhom, għandhom jiġu akkużati bi frodi li tammonta għal aktar minn €5,000 u li għamlu qligħ frawdolenti. Huma jiffaċċjaw ukoll akkużi ta’ misapproprjazzjoni.
Il-lista ta’ dawk akkużati flimkien ma’ Fearne u Scicluna tinkludi l-eks segretarji permanenti Alfred Camilleri u Joseph Rapa, is-segretarju permanenti attwali Ronald Mizzi, il-membri tal-kumitat ta’ aġġudikazzjoni James Camenzuli, Manuel Castagna u Robert Borg, il-kontrollur finanzjarju Kenneth Deguara, kif ukoll ħames avukati: Kevin Deguara , Jean Carl Farrugia, Aron Mifsud Bonnici, Deborah Anne Chappell u Bradley Gatt.
Fearne rriżenja minn Deputat Prim Ministru u rriżenja mill-portafoll ministerjali tiegħu nhar il-Ġimgħa u filwaqt li żamm l-innoċenza tiegħu, qal li kien qed jirriżenja mill-karigi tiegħu għax hija “l-aħjar li tagħmel”. Madankollu, huwa żamm il-kariga ta’ Deputy Leader tal-Partit Laburista. Abela qal li Fearne se jibqa’ bħala viċi kap tal-partit u li jgawdi l-“fiduċja assoluta” tiegħu.
Il-Prim Ministru Robert Abela ħeġġeġ pubblikament lil Fearne biex jerġa’ jikkunsidra d-deċiżjoni tiegħu iżda Fearne ma qabilx miegħu u qallu li kien se jżomm mad-deċiżjoni li ħa. Joseph Muscat u l-Eks Chief of Staff tiegħu, Keith Schembri u Konrad Mizzi, kif ukoll il-persuni l-oħra kollha akkużati flimkien magħhom, mistennija jidhru l-Qorti fit-28 ta’ Mejju.