Adrian Delia, PN
Id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia sostna fil-Parlament li flok jiddefendi lill-poplu, il-Gvern Laburista qed jiddefendi lill-frodisti barranin.
Adrian Delia qal li l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun tat rendikont ta’ dak li ntnefaq minn flus il-poplu iżda ma jistax jingħad l-istess għall-konċessjoni li ngħataw lil Vitals u lil Steward li wasslu biex seħħet serqa; l-ikbar frodi. Dawn mhumiex allegazzjonijet iżda huma fatti li kienu miġbura fi tliet rapporti tal-NAO u kienu konfermati fis-sentenza tal-Appell ta’ Ottubru 2023.
Għalhekk ,mhux aċċettabbli li l-Prim Ministru u l-ogħla esponenti tal-Gvern jgħdiu li d-diskussjoni hi dwar xi ħaġa li hi biss allegazzjoni meta din is-serqa hi fatt konfermat mill-Qrati; liema serqa seħħet bil-kompliċità tal-Gvern Malti. Dan ukoll hu fatt dikjarat; din ma kinitx serqa b’kumbinazzjoni.
Adrian Delia qal li din is-serqa kienet premeditata u kienet ilha ppjanata. Hu qal li l-poplu ħallas iktar minn €430 miljun f’din is-serqa premeditata li nkixfet għax tul is-snin kien evidenti li ma kien qed jitwettaq ebda investiment fl-isptarijiet.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-Qorti stabbiliet li min kellu jħares l-interess tal-pajjiż ma wettaqx l-obbligi tiegħu sa minn meta beda l-kuntratt u anki meta ma kinux qed jitweqqu l-obbligi tal-kuntratt.
Hu sostna li l-Qorti stabbiliet li minkejja dan, il-Gvern kompla jħallas miljuni ta’ ewros lil Vitals u lil Stewards biex tingħata l-impressjoni li kollox kien għadu miexi ‘l quddiem. Dan ifisser li mhux veru li kien hemm xi nies li suppost raw li jitħares il-kuntratt li mhumiex responsabbli, għaliex dawn baqgħu japprovaw il-miljuni biex jgħattu dak li kien qed isir.
Id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni mill-ewwel indunat li din kienet agħar minn korruzzjoni u kienet serqa u frodi mill-bidu nett.
Għalhekk il-PN mar il-Qorti biex iwaqqaf dak li kien hemm f’kuntratt ta’ €4 biljuni. Il-Ministru tal-Finanzi, il-Ministru tas-Saħħa u s-Segretarji Permanenti f’dawn il-ministeri ddeċidew li l-gvern jagħti kuntratt ta’ €4 biljuni lil kumpanija li kellha valur ta’ €1,000 biss, u kienet bla ebda esperjenza. Illum Steward għandha falliment ta’ €9 biljuni.
Adrian Delia qal li lanqas biss sar id-due diligence fuq din il-kumpanija. Hu sostna li l-Qorti qalet li l-għoti tal-konċessjoni lil Vitals u Steward ma kienx biss riżultat ta’ ingann minn waħda mill-partijiet, iżda riżultat ta’ kollużjoni bejn iż-żewġ partijiet. Dan seħħ mhux biss meta ntgħażlu Vitals iżda wara li dawn kellhom aċċess għal informazzjoni privileġjata u meta sar il- ftehim li suppost kellu jitwettaq iżda ma sar xejn.
Il-Qorti stabbiliet ukoll li min kellu dritt li jħares l-interess tal-pajjiż (il-gvern u l-ministri), flok ħarsu dawn l-interessi taw estenzjoni wara l-oħra lil Vitals u Stewrad propju biex ma joħroġx fil-beraħ li l-ftehim kien faċċata flok “the real deal”, u li l-gvern kompla jħallas miljuni ta’ ewros meta dawn ma kinux qed iwettqu l-obbligi kuntrattwali tagħhom.
Kien l-Eks Ministru Chris Fearne li qal lill-poplu li dan kien the real deal; l-istess ministru li llum il-Prim Ministru qed jiddikjara fiduċja fih.
Adrian Delia kompla li l-Qorti tal-Appell sabet ukoll li kien hemm min naqas minn dmiru, li kien hemm frodi sa minn qabel sar il-ftehim, u li dan seħħ matul il-kuntratt kollu. Il-Qorti stabbliet ukoll li l-mod kif żvolġiet l-istorja juri kollużjoni bejn Vitals u esponenti għolja tal-gvern jew tal-aġenziji tiegħu li saru kuntratti simultati mhux biex jagħtu servizz tas-saħħa, iżda biex jilħqu għanijiet oħra.
Id-deputat Nazzjonalista staqsa min kienu li l-ogħla esponenti tal-gvern involut,i u sostna li hemm iktar minn esponent wieħed iżda l-gvern għadu ma semma’ l-ebda esponent u ħadd għadu ma refa’ r-responsabbiltà. Dawn wasslu biex saru kuntratti b’ingann u b’illegalità għal sitt snin sħaħ minkejja li ma sar l-ebda xogħol fl-isptarijiet.
Kien għalhekk li l-PN reġa’ mar il-Qorti wara li l-Prim Ministru qal li ħa l-passi biex jerġa’ jirkupra l-€400 miljun; dan mhux minnu għaliex kienu Stewrad li fetħu arbitraġġ.
Il-Gvern kellu bilfors iwieġeb għal dan l-arbitraġġ u daħħal kontratalba, iżda l-Gvern għadu qatt ma qal kemm irid jiġbor minn dan l-€400. Il-Gvern, fil-fatt ma ressaq l-ebda appell u fil-fatt aċċetta d-deċiżjoni tal-Qorti.
Adrian Delia qal li fil-Qorti, l-Avukat tal-Istat iddikjara li l-Gvern għadu ma kkalkolax kemm se jitlob lil Steward. Dan juri li mhux veru li l-Gvern qed jagħmel minn kollox biex iġib l-€400 miljun misruqa u issa Steward iddikjaraw falliment ta’ €9 miljuni.
Hu semma’ l-inkjesta maġistejali u l-fatt li se jitressqu diversi nies taħt akkużi serji ta’ ħasil ta’ flus. Issa bdew jissemmew l-ismijiet tal-ogħla esponenti tal-Gvern u issa l-Gvern għażel li jibqa’ jiddefendi lil dawk li huma b’att ta’ akkuża, sostna Adrian Delia.
Il-Prim Ministru qed jgħid li ma rax l-inkjesta u ma jridx dibattitu dwarha waqt li jgħid li ma jaqbilx mad-deċiżjonijiet tal-inkjesta. Kif jista’ l-Prim Ministru ma jaqbilx mal-konklużjonijet tal-inkjesta meta qed jgħid li ma rax l-inkjesta? Għaliex il-Prim Ministru mhux jiddefendi l-interessi nazzjonali?
Adrian Delia kompla li mhux magħruf għaliex min kellu interess li jħares l-interssi tal-pajjiż, naqas u aktar kellu interess jiddefendi l-interess ta’ Vitals tant li l-Qorti ddikjarat li l-gvern iddefenda lis-soċjetà barranija u li kien biss meta sar l-appell, li l-Gvern beda jiddefendi s-sentenza li tat raġun lil Adrian Delia. Il-Qorti qalet ukoll li l-Gvern naqas minn dmiru lejn il-pajjiż.
Il-Prim Ministru beda jattakka wkoll lill-maġistrat u jherri wieħed mill-pilastri tad-demokrazija, sostna Adrian Delia, li żied li l-Prim Minitru beda jattakka wkoll lill-media. Il-Qorti ddikjarat li l-Prim Ministru mhux iħares l-interess tal-pajjiż iżda qed jiddefendi lill-frodisti barranin, sostna Adrian Delia, li kompla li l-attakki li qed jagħmel Robert Abela fuq il-ġurnalisti huma perikolużi għad-demokrazija.
Id-deputat Nazzjonalsta kompla li minbarra attakk fuq l-assi tal-poplu, il-Gvern issa qed jattakka d-demokrazija tal-pajjiż. Għandhom ikunu l-Qrati li jaraw u jissindakaw dak li qed isir fil-Parlament u mhux il-Parlament jara dak li qed isir fil-Qrati.
Il-Prim Ministru jrid l-Qrati ma jkunu jistgħu jagħmlu xejn jekk ma jkunux jaqblu miegħu. Din ma ssir f’ebda pajjiż demokratiku, sostna Adrian Delia, li qal li l-Gvern mhux se jiddefendi lill-poplu u se jibqa’ jaħdem għall-interessi tal-barranin iżda l-Oppożizzjoni se tibqa’ taħdem fl-interess nazzjonali.