Internazzjonali

Gaza: Eżodu ta’ mijiet tal-eluf…bl-Iżraeljani javvanzaw lejn il-qalba ta’ Rafah

In-Nazzjonijiet Uniti qalet li ‘il fuq minn 450,000 Palestinjan ħarbu mill-inħawi ta’ Rafah fl-aħħar ġimgħa. Dan meta t-tankijiet tal-gwerra tal-Iżraeljani qed javvanzaw lejn il-qalba ta’ din il-belt ewlenija, fin-Nofsinar ta’ Gaza, li sa ftit ilu kienet refuġju għal xi 1.5 miljun refuġjat tal-gwerra.

Il-kelliema għall-Aġenzija tan-NU għar-Refuġjati Palestinjani (UNRWA) sostnew li ċ-ċivili Palestinjani f’dawk l-inħawi qed ibatu kontinwament mill-ġuh u l-biża’ u meta kull ġurnata qed tirriżulta fit-theddid dirett għal ħajjithom.

Iżrael, iżda, għadu determinat biex ikompli bl-offensiva fuq il-bejtiet tat-terroristi tal-Ħamas lejn il-lvant ta’ Rafah…Offensiva li fi kliem il-Gvern għandha tiddetermina r-riżultat tal-gwerra kontra t-terrur li ilha għaddejja mis-7 ta’ Ottubru.

It-truppi Iżraeljani issa rritornaw fiz-zoni ta’ Zeitoun and Jabalia, biex jikkonfrontaw il-gruppi tal-Ħamas li organizzaw ruħhom mill-ġdid, ftit xhur wara li huma kienu rtiraw mill-inħawi.

L-Iżraeljani, fl-istess ħin, ħarġu direttivi liċ-ċivili biex jitilqu b’urġenza ‘u għas-sigurtà tagħhom’ mil-lvant ta’ Rafah kif ukoll minn Jabalia – bl-offensiva fuq il-Ħamas mistennija tirranka sew sal-aħħar tal-ġimgħa. Dan ukoll meta t-total tar-refuġjati ġodda waqt l-aħħar jiem ta’ kaos hu ekwivalenti għal madwar 25 fil-mija tal-popolazzjoni ta’ Gaza, magħmulha minn 2.3 miljun Palestinjan.