Internazzjonali

Georgia: Rabja kbira wara li l-Gvern baxxa rasu għar-Russja bl-introduzzjoni ta’ liġi kontroversjali

Il-poplu ta’ Georgia qed jistenna biex jara jekk il-President tal-pajjiż, Salome Zourabichvili, teżerċitax id-dritt tal-veto fil-konfront ta’ liġi kontroversjali u difiżiva li għaddiet mill-Parlament fi Tbilisi…Il-liġi suppost li tħares kontra allegat ‘indħil barrani’ u l-maġġoranza tal-Ġorġjani huma urtati għall-fatt li l-Gvern ta’ pajjiżhom ċeda għall-pressjoni tar-Russja biex jgħaddiha ‘minkejja kollox’.

Il-leġislazzjoni, fl-aħħar ġimgħat, kienet il-kaġun għall-protesti kbar tal-poplu fit-toroq – bin-nies isostnu li l-hekk-imsejħa ‘liġi tar-Russja’  għandha tkun theddida kbira għal-libertajiet ċivili.

Il-konferma li l-liġi għaddiet mill-Parlament intlaqgħet b’aktar dimostrazzjonijiet rabbjużi barra l-Parlament u fost it-tgħajjir tan-nies lill-pulizija għall-kontra l-irvellijiet li kienu qegħdin jgħassu l-aċċessi għall-bini.

Il-Prim Ministru ta’ Georgia,  Irakli Kobakhidze, sadanittant, wissa li kieku l-Gvern ma konfermax il-liġi, kien hemm periklu li pajjiżu jitlef is-sovranità u ‘jgħaddi mill-istess destin tal-Ukrajna’. Dan il-kliem kompla jqanqal l-inkwiet fost il-poplu, bil-Prim Ministru ma jispjegax fid-dettall dan il-messaġġ,

It-tensjoni fil-Parlament ukoll laħqet livell akut fl-aħħar sigħat u fost il-konfronti – uħud minnhom fiżiċi – bejn id-deputati tal-Gvern u oħrajn tal-Oppożizzjoni.

U waqt li l-President Zourabichvili – avversarju politiku ta’ Kobakhidze – għamiltha ċara li qed taħseb biex tuża l-veto fil-konfront tal-liġi, il-Partit  tal-Ħolma Ġorġjana ‘pro-Russu’ għandu biżżejjed deputati fil-Gvern biex iwaqqa l-veto permezz ta’ vot ieħor deċiżiv fl-Assemblea…Vot li għandu jaċċerta li l-liġi tidħol fis-seħħ minn din il-ġimgħa stess.