Mhux talli l-Prim Ministru kompla jitfa’ dubju fuq l-integrità tal-Maġistrat Gabriela Vella, talli anke l-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard kompla b’din l-istess retorika. Il-Ministru Attard mar aktar minn hekk, u qal li dak li ntqal fil-konfront tal-Qorti ntqal għax dik hija r-responsabbiltà li għandu l-Gvern.
Fuq TVM, il-preżentatur tal-programm ‘Extra’ Saviour Balzan staqsa lil Jonathan Attard kif jiddiskrivi s-sitwazzjoni preżenti; fejn Eks Ministri tal-Labour qed jiġu investigati f’inkjesti oħra fosthom tal-Electrogas u tal-Panama Papers. Il-Ministru tal-Ġustizzja qal biss li dawn huma mumenti ta’ sfidi.
Waqt din id-diskussjoni, ix-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia tellem dwar il-Gvernatur tal-Bank Centrali Edward Scicluna fejn saħaq li ma jistax ikollok professjonista bħal Edward Scicuna li għandu dawn l-akkużi fil-konfront tiegħu u jibqa’ f’din il-pożizzjoni li għandu; speċjalment meta dan kien ukoll Ministru tal-Finanzi.
Id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia staqsa għaliex il-Kummissarju tal-Pulizija m’għamilx l-investigazzjonijiet tiegħu b’rabta mal-privatizzazzjoni tat-tliet sptarijiet u spjega li inkjesta maġisterjali tista’ ssir waqt li l-Kummissarju jagħmel l-investigazzjonijiet tiegħu.
Fi kliem Adrian Delia, dan kollu li qed nassistu għalih bħalissa qed jagħmel ħsara irreparabbli lil pajjiżna.
//= $special ?>