Lokali

“Irridu nkomplu bil-mixja ‘l quddiem għal kwalità ta’ ħajja aħjar” – Bernard Grech

Fl-aħħar 20 sena, l-Unjoni Ewropea għenet biex pajjiżna jimxi ‘l quddiem ekonomikament, speċjalment fil-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku. Issa rridu naraw li nkomplu b’din il-mixja biex il-Maltin u l-Għawdxin kollha jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta mexxa delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista f’laqgħa mal-Malta Business Bureau bħala parti mil-laqgħat ta’ konsultazzjoni u djalogu miftuħ ma’ min irid jindirizza l-isfidi u l-ħtiġijiet tal-poplu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li laqgħat bħal din jgħinu biex aktar nies u għaqdiet jifhmu aħjar il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għal pajjiżna. Fost l-oħrajn, semma’ kif il-Partit Nazzjonalista għandu proposti biex min iħares l-ambjent ikun megħjun aktar. Semma’ wkoll il-proposti b’risq azjendi li jħaddnu l-kriterji ESG (ambjentali, soċjali u ta’ governanza).

Hu spjega kif il-Partit Nazzjonalista jħoss li l-Gvern għandu jinċentiva lil dawk il-kumpaniji li jkunu jridu jagħmlu l-pannelli fuq il-binjiet tagħhom, filwaqt li l-Gvern stess għandu jara li l-bjut tal-iskejjel u dipartimenti oħrajn ikunu miksija b’pannelli. Min-naħa l-oħra, il-Kap tal-PN sema’ kif il-Malta Business Bureau jrid li l-Membri Parlamentari Ewropej eletti f’isem pajjiżna jimbuttaw politika favur l-intrapriżi Maltin u Għawdxin.

Matul il-laqgħa, kien diskuss dokument imniedi mill-Malta Business Bureau, ibbażat fuq il-prijoritajiet tal-intrapriżi Maltin, kemm fuq livell nazzjonali, kif ukoll fuq livell Ewropew. Fil-laqgħa kienet diskussa l-ħtieġa li n-negozji f’pajjiżna jkomplu jiżviluppaw għax b’hekk igawdu wkoll il-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew David Casa, li hu l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew u Louise Anne Pulis.