Ian Vassallo, PN
Id-deputat Nazzjonalista Ian Vassallo qal fil-Parlament li s-settur tas-saħħa qed ibati ħafna minħabba nuqqas ta’ investiment mill-Gvern.
Ian Vassallo qal li l-PN dejjem kien favur il-ħajja u sostna li ħafna nies li qed jipprovaw isiru ġenituri qed jiffaċċjaw listi ta’ stennija sa minn meta jibda dan il-proċess.
Hu semma’ l-ambjent fil-kliniċi u qal li dawn jinsabu f’sezzjoni tal-isptar li mhijiex adegwada. Jeħtieġ li l-professjonisti jingħataw l-għodda neċessarja u li ma jkunx hemm tul ta’ żmien minħabba li ma jkunx hemm tim mediku magħqud. Għalhekk jeħtieġ iktar kliniċi biex jagħtu dawn is-servizzi.
Ian Vassallo kompla li jkun hemm nies barranin li qed jabbużaw mis-sistema u tkellem dwar l-importanza ta’ investiment fil-privat. Jeħtieġ li jkun hemm investigazzjoni għaliex ikun hemm rata ta’ suċċess fis-settur privat kontra r-rata ta’ suċċess fil-klinika tal-gvern.
Hu tratta l-problema fl-isptarijiet fosthom li hemm stennija twila fl-Emerġenza, u l-pazjenti li ngħataw kura fil-kurituri jew fi swali taħt l-art fejn m’hemmx is-servizzi bażiċi meħtieġa.
Id-deputat Nazzjonalista qal li hu tard li l-Gvern se jagħmel investiment f’San Luqa u kompla li hemm 10,000 jistennew MRI u 4,000 jistennew CT scans; dan minħabba nuqqas ta’ investiment mill-Gvern. Hemm pazjenti li ilhom jistennew l-ewwel appuntament erba’ jew ħames xhur.
Hu kkritika wkoll il-fatt li l-Gvern mhux jinvesti kemm suppost f’mediċini ġodda u żied li l-Gvern għandu jwettaq kuntatti u jaħdem iktar f’dan is-settur tant importani. Dawn huma mediċini li meta jkunu introdotti l-pazjenti jkollhom trattament aħjar. Jeħtieġ investiment immedjat fis-settur tas-saħħa mentali biex ma jibqax kollox konċentrat f’Monte Carmeli, sptar antik li jeħtieġ soluzzjoni, sostna Ian Vassallo.