Lokali Qorti

Jammetti li seraq flus u oġġetti minn karozza

Mark Cauchi Bellotti ta’ 43 sena minn Ħ’Attard, ammetta li fit-12 ta’ Mejju kkommetta serq li jikkonsisti fi flus kontanti u oġġetti minn karozza fil-Furjana. Fit-trattazzjoni għal piena, il-prosekuzzjoni qalet li mhux idoneu li jkun hemm ħabs effettiv minħabba li l-imputat ammetta għas-serq fi stadju bikri tal-proċeduri.

Id-difiża qablet mal-prosekuzzjoni, iżda qalet ukoll illi l-akkużat ammetta li kkommetta s-serq sabiex imantni l-vizzju tad-droga. Għalhekk id-difiża talbet ukoll lill-Qorti toħroġ ordni tat-trattament sabiex ir-raġel jigi segwit minn uffiċjal tal-probation.

Il-prosekuzzjoni qalet ukoll li l-akkużat illum kien se jidħol għal program ta’ rijabilitazzjoni. Il-Maġistrat Charmaine Galea laqgħet it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest sakemm tingħata s-sentenza fl-20 ta’ Mejju.

Il-Qorti infurmat lill-imputat li jrid jiffirma darba fil-ġimgħa fl-għassa ta’ Raħal Ġdid, u garanzija personali ta’ €5,000 sakemm tingħata s-sentenza. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukat Brandon Bonnici f’isem l-Avukat Ġenerali, flimkien mall-Ispetturi Gabriel Micallef u Jeffrey Rizzo.

Għall-akkużat deher l-Avukat Jason Grima.