Lokali Parlament

L-Ispeaker ma ħax passi kontra d-Deputat Laburista Alex Muscat fuq ġbid ta’ filmati fil-Parlament


L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia ma ħax passi kontra d-Deputat Laburista Alex Muscat dwar ġbid ta’ filmati bil-mobile waqt is-seduta parlamentari tal-bieraħ it-Tnejn, 13 ta’ Mejju 2024.


L-inċident seħħ wara intervent tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech li fih kien qed jirreaġixxi għar-ruling tal-Ispeaker li fih iddeċieda li ma jilqax mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex isir dibattitu dwar is-sitwazzjoni politika peżenti. Wara l-intervent tal-Kap tal-Oppożizzjoni, diversi deputati Nazzjonalista tefgħu fotokopji ta’ ewros fil-Parlament.


Kien proprju f’dan il-mument li d-Deputat Laburista Alex Muscat deher jgħolli l-mobile u jindikah lejn il-membri tal-Oppożizzjoni b’mod li kien jindika ċar li kien qed jiffilmja u mhux juża l-mobile biex jibgħat xi messaġġ.


F’dan il-mument il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar ġibed l-attenzjoni tal-Ispeaker u talab ruling għaliex kien evidenti li Alex Muscat kien qed jiġbed il-filmati fil-Parlament meta dan imur kontra r-regoli tal-Parlament.


Fir-ruling tiegħu, l-Ispeaker qal li ma jistax ikollu ċertezza jekk id-Deputat Alex Muscat kienx qed jiġbed ritratti jew le. Hu sostna li s-Sedja hi kontra li jittieħdu filmati jew ritratti fil-Kamra u żied li d-dekor u r-rispett jitolbu li ma jittiħdux filmati jew ritratti.


Wara dan ir-ruling, il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li fil-fatt ma kien hemm bżonn l-ebda evidenza li Alex Muscat kien qed jiġbed il-filmati għaliex l-istess li Deputat Laburista nqbad live mill-cameras tal-Parlment jiġbed il-filmati.