Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken, għamel waqfa sorpriża fi Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna, fejn insista li l-Ukreni għandhom jirċievu l-għajnuna militari mingħand l-Istati Uniti mill-aktar fis possibbli.
Blinken, waqt laqgħa personali mal-President Ukren, Volodymyr Zelensky, qal li l-armamenti, li huma diġà fi triqthom, għandhom jagħmlu differenza kbira għall-kapaċitjaiet tal-Ukreni biex jirreżistu l-aggressjoni tal-Armati tar-Russja fuq il-kampijiet tal-battalja. Is-Segretarju Amerikan, intant, irrepeta li l-Istati Uniti se tibqa’ tappoġġja ‘mija-fil-mija’ is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna bħala Stat indipendenti.
L-armamenti inkwistjoni li se jaslu fiz-zoni tal-gwerra ( fl-Ukrajna) jinkludu interceptors sofistikati bħala difiża għal kontra l-attakki mill-ajru, diversi tipi ta’ artillerija u missili ballistiċi ta’ preċiżjoni għal fuq id-distanzi twal.
L-għajnuna inkwistjoni għandha tkun kruċjali għall-Ukreni li fil-preżent qed isibuha diffiċli biex jikkontrollaw l-inkursjonijiet tal-militar Russu viċin ta’ Kharkiv, it-tieni l-akbar belt tal-Ukrajna.
Dan meta l-offensiva atwali tar-Russi fir-reġjun ta’ Kharkiv hi fost l-aktar attakki sinifikanti mis-suldati tal-Kremlin mill-bidu tal-gwerra tal-Ukrajna, fi Frar tal-2022.
Sadanittant, numru ta’ uffiċjali fil-Punent, b’mod partikulari s-Segretarju Britanniku għad-Difiża, Grant Schapps qed jaqblu li d-dinja mill-aħħar tas-sena l-oħra ‘il hawn ‘ittraskurat għal xhur’ l-iżviluppi fil-gwerra tal-Ukrajna…Sitwazzjoni li ftit jew wisq permettiet biex ir-Russi jaħtfu aktar art tal-Ukreni li fil-preżent qed ibatu min-nuqqas kbir ta’ armamenti u munizzjon.
//= $special ?>