Hekk kif jinsab f’nofs kriżi mingħajr ebda preċedent – wara r-riżenja tad-Deputat Prim Ministru u l-insistenza li jibqa’ jiddefendi l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna, minkejja l-akkużi ta’ frodi miġjuba fil-konfront tiegħu – il-Prim Ministru Robert Abela injora għalkollox is-sitwazzjoni taħt it-tinda f’Santa Luċija.
Dan wara jiem ta’ appelli minn diversi korpi kostitwiti, NGOs u mijiet ta’ akkademiċi – u issa mhux talli qed jinjorahom talli saħansitra qed jattakkahom.
Dan hekk kif wara li ilbieraħ ġiet imħabbra dimostrazzjoni tal-NGO Repubblika bil-parteċipazzjoni fost oħrajn tal-Moviment Graffitti, UĦM Voice of the Workers, KSU u KNŻ – Robert Abela insista li l-poplu ma jridx protesti.
Huma qed jappellaw sabiex il-Gvern ta’ Robert Abela ma jibqax jattakka lill-ġudikaturi u l-ġurnalisti filwaqt li sejħu għar-riżenja tal-Eks Ministru Edward Scicluna minn Gvernatur tal-Bank Ċentrali.
Il-Mexxej tal-Labour issokta bir-retorika negattiva u partiġjana kontra l-Partit Nazzjonalista kif ukoll kontra l-Eks Prim Ministru Lawrence Gonzi li l-istorja wriet li dejjem fittex l-għaqda f’pajjiżna tant li kien l-unika Prim Ministru li għażel bħala President tar-Repubblika ta’ Malta persuna mill-kamp politiku oppost, ċioè lil George Abela.
Filwaqt li kompla bil-politika ta’ aħna u huma, Robert Abela naqas jindirizza l-kriżi li għandu fil-kuriduri ta’ Kastilja u ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, naqas milli jindirizza l-kriżi li ġab fuqu hu stess bl-Inkjesta Vitals, naqas milli jindirizza l-kriżi li għandu bl-iskandlu tal-benefiċċji soċjali u naqas milli jisħaq kif se joħroġ lill-poplu mill-kriżi li dawn l-iskandli u oħrajn ħasdu pajjiż.
//= $special ?>