Lokali

Minkejja l-akkużi Robert Abela qed jibqa’ jiddefendi lil Edward Scicluna

Il-Prim Ministru jkompli jixħet id-dubji fuq il-Maġistrat Gabriella Vella

Il-Prim Ministru Robert Abela qed jibqa’ jiddefendi lill-esponenti għolja tal-Labour akkużati bi frodi b’rabta mal-Inkjesta Vitals – fost oħrajn is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Ekonomija Ronald Mizzi u l-Eks Ministru Laburista Edward Scicluna, li għadu Gvernatur tal-Bank Centrali.

Minkejja l-appelli ta’ diversi entitajiet, istituzzjonijiet, korpi kostitwiti u saħansitra unions; fosthom il-UĦM – Voice of The Workers, l-aditus, il-KSU, KNZ u l-Moviment Graffitti biex il-Prim Ministru jissospendi lil Scicluna kif ukoll biex jieqfu u jiġu kkundannati l-attakki fuq il-ġudikatura u l-ġurnalisti… Abela kompla joħroġ għonqu għall-Eks Ministru tal-Finanzi.

Dan hekk kif it-Tlieta waranofsinhar mistoqsi mill-ġurnalisti, Abela insista li għandu fiduċja f’Edward Scicluna u f’kull min dejjem wettaq dmiru lejn l-istat – minkejja l-akkużi li għandhom fil-konfront tagħhom. Dan filwaqt li ssokta bl-attakki fuq il-Maġistrat Gabriella Vella.

Ripetutament Abela kompla jiddefendi lil Edward Scicluna anke meta kellu ma’ wiċċu realtà li xejn mhemm biex tiftaħar biha. Tant li f’jum se jkollu jaqdi d-dmirijiet tieghu quddiem il-Fond Monetarju Internazzjonali … u f’inqas minn 24 siegħa wara se jkun qed jidher il-Qorti b’akkużi ta’ frodi.

Minkejja l-appelli persistenti, il-Prim Ministru ssokta bl-attakki partiġjani minflok aġixxa bħala ta’ Mexxej ta’ Stat – kif il-maġġoranza tal-poplu qed jistenna minnu.

Iżda għad-differenza tal-insistenza fuq l-innoċenza ta’ Edward Scicluna, Chris Fearne u s-Segretarji Permanenti… ħassa kemxejn diffiċli biex jiddefendi lill-predeċessur tiegħu Joseph Muscat.

Intant mistoqsi mill-ġurnalisti jekk jikkundannax l-attakki u t-tixwix fuq il-media, huwa ħarab milli jwieġeb ċar u tond minkejja l-kundanni tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin fejn insistew li tali aġir minn naħa ta’ membri tal-Partit Laburista u l-Gvern qed iwassal għal mibegħda fil-konfront tal-ġurnalist.