Lokali Qorti

Mixli li pprova jifga lill-eks sieħba tiegħu

Żagħżugħ Żvediż ta’ 28 sena wieġeb mhux ħati li pprova jifga lil l-eks sieħba tiegħu. Hu ġie akkużat ukoll li hedded lill-vittma li se joqtolha u li żammha kontra r-rieda tagħha. Oscar Olsen ta’ 28 sena tressaq mill-Ispettur Sherona Buhagiar li qalet li l-vittma talbet l-assistenza tal-Pulizija permezz tal-pjattaforma Facebook wara li l-akkużat ipprova jifgaha.

Dan kollu seħħ wara li l-argument li seħħ fir-residenza tal-ħabib tal-akkużat, wara li Olsen ħa l-mobile tal-mara u sabilha xi messaġġi ma’ rġiel oħra. Il-prosekuzzjoni kompliet tgħid li dak illejl stess, meta l-vittma marret biex torqod fir-residenza tagħhom, l-akkużat segwiha, u meta wasal fir-residenza ħadilha l-mobile, qabadha minn għonqa u heddidha li se joqtolha.

Fl-istqarrija tagħha mal-Pulizija, il-mara qalet li din kienet l-10 darba li l-eks sieħeb tagħha pprova jifgaha u jheddida li se joqtolha. L-Ispettur qalet ukoll li l-mara kellha marki viżibbli ma’ għonqa li juru biċ-ċar li kien hemm aggressjoni.

Il-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha minħabba li l-vittma għad trid tixhed. Qalet ukoll li din ma kinitx l-ewwel darba li l-akkużat hebb għal mara. Id-difiża rribattiet u argumentat li dan huwa każ ta’ ‘self defence’ għaliex kienet il-vittma li ħebbet għall-akkużat u għaldaqstant ir-raġel iddefenda ruħu.

Qalet ukoll li l-akkużat għandu impjieg fiss fl-igaming, ilu Malta għal madwar sitt snin u għandu wkoll indirizz fiss. Il-Maġistrat Charmaine Galea ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest iżda laqgħqet it-talba tal-prosekuzzjoni għal ħruġ ta’ ordni ta’ protezzjoni fuq il-mara.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukati Etienne Savona u Manuel Grech f’isem l-Avukat Ġenerali flimkien mall-Ispettur Sherona Buhagiar. Għall-akkuż dehru Franco Debono u Adreana Zammit.