Lokali

AnneMarie Grech fost il-Melliħin

AnneMarie Grech, mart il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, għaddiet diversi sigħat tiltaqa’ ma’ setturi differenti tas-soċjetà fil-Mellieħa fl-impenn tagħha li tkun qrib in-nies.

Fost l-oħrajn, hi żaret Dar il-Madonna tal-Mellieħa, fejn iltaqgħet ma’ diversi residenti u qraba. Iltaqgħet ukoll mal-impjegati, li rringrazzjathom għad-dedikazzjoni fix-xogħol tagħhom. Hi innotat kif l-anzjani tagħna ħaqqhom jgħixu f’ambjent sabiħ u san b’ringrazzjament għall-mod kif bnew il-pajjiż li ngħixu fih illum.

Mart il-Kap tal-Partit Nazzjonalista żaret ukoll il-Mellieħa Sports Club, fejn setgħet tara l-impenn b’sessjonijiet sportivi għal tfal bil-kundizzjoni tal-awtiżmu. Hawn ukoll, hi rringrazzjat lil dawk kollha li, b’ħidmiethom, jaraw li ħadd mit-tfal ma jaqa’ lura.

Żjara oħra kienet fis-sede tal-Kor u l-Orkestra Marija Bambina. Hawn hi rringrazzjat b’mod partikolari lill-voluntiera, li jagħtu ħafna mill-ħin liberu tagħhom biex jaraw li l-kultura tkompli tissaħħaħ fil-lokalità tal-Mellieħa.

Matul iż-żjarat, akkumpanjata mill-kandidati għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali u mix-Shadow Minister Ivan Castillo, AnneMarie Grech ħeġġet lil dawk preżenti biex ikomplu jaħdmu bil-qalb b’risq il-kawża li jemmnu fiha għax hu hekk biss li jista’ jkollna l-komunitajiet li jixirqu lil kull wieħed u waħda minna.