Lokali

Casa lil Scicluna: “Issa mhux iż-żmien għall-interess personali sfrenat”

F’azzjoni barra l-Bank Ċentrali ta’ Malta, l-MEP David Casa reġa’ tenna l-appell tiegħu lill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna biex jagħmel dak li hu tajjeb u jirriżenja mill-kariga tiegħu għall-ġid tal-pajjiż.

“MA XBAJTX TITĦANŻER?” qara l-istreamer, bil-kliem meħud mill-komunikazzjonijiet ta’ Eks Deputat Laburista oħra li wkoll tkellmet fuq il-ħniżrijiet. Casa fakkar li fil-kariga preċedenti tiegħu bħala Ministru tal-Finanzi, Scicluna kien għolla r-remunerazzjoni annwali għall-Gvernatur tal-Bank Ċentrali qabel ma pponta hu għall-istess pożizzjoni.

David Casa, li ħadem fil-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, enfasizza li l-ħsara għar-reputazzjoni li Scicluna kien qed iġarrab lill-pajjiż ma kienet għall-ebda raġuni oħra għajr l-interess tiegħu personali.

“Li jkollok Gvernatur tal-Bank Ċentrali mixli bil-frodi hija sitwazzjoni redikolu u timmina l-isforzi bla waqfien tal-mijiet ta’ professjonisti li qed isostnu industrija ta’ klassi dinjija minkejja l-bufoni korrotti li jmexxuhom,” akkuża Casa, u żied li: “Ħadd mhu qed jaqa’ għan-narrativa redikola ta’ Robert Abela dwar x’inhu għaddej minnu l-pajjiż.

“Ġimgħa minn meta ġew ippreżentati akkużi kriminali kontra Scicluna, nirrepeti aktar bis-saħħa l-appell tan-nazzjon: IRRIŻENJA.”