Internazzjonali

Franza: Tensjoni…u tfittxija bla preċedent għall-priġunier maħrub

It-tensjoni fir-reġjun tan-Normandija għadha taħkem waqt li l-pulizija u l-membri tal-Ġendarmerija għaddejjin bi tfittxija bla preċedent għal priġunier mill-aktar perikoluż….Priġunier li rnexxielu jaħrab mill-vann li kien qed iwasslu l-qorti għal smigħ u wara li nqatlu l-pulizija għassa miegħu waqt  attakk speċifiku fuq il-vettura.

L-aggressuri, kompliċi tal-priġunier, saqu l-karozza tagħhom direttament għal fuq il-vann u dritt wara fetħu n-nar għal fuqu; b’żewġ uffiċjali jinqatlu fuq il-post u bi tlieta oħra jisfaw midruba. L-attakk fl-inħawi ta’ Rouen hu anki l-ewwel wieħed fatali fuq l-istaff tal-ħabsijiet fi Franza għal aktar minn 30 sena.

Il-priġunier li ħarab hu identifikat bħala Mohamed Amra, imlaqqam ‘Id-Dubbiena’, bil-Ministeru Franċiż għall-Intern jisħaq li l-awtoritajiet ‘mhumiex se jistrieħu’ sakemm hu jerġa’ jinqabad u ssir il-ġustizzja miegħu u mal-qattiela tal-pulizija.

Il-Ministru għall-Intern, Gerald Darmanin, qal li l-attakk kien ‘xempju ta’ barbariżmu rari’, bil-qtil tal-pulizija  qed ikun diskuss b’urġenza anki fil-Parlament ta’ Pariġi.

Fi żviluppi oħra, il-unions li jirrappreżentaw lill-uffiċjali tal-ħabs Franċiżi sejħu għal azzjonijiet industrijali mill-ħaddiema fil-kumplessi tas-sigurtà u għad-detenzjoni tal-priġunieri madwar il-pajjiż…Azzjoni li kellha tirrifletti appoġġ u solidarjetà mal-familji tal-vittmu u meta miijiet tal-istaff  bdew jaħdmu fuq sistema ta’ work-to-rule li tippermetti biss għall-aktar impenji bażiċi ta’ xogħolhom.