Il-Kummissjoni dwar l-Impiegi ordnat li Norman Vella jingħata kumpens ta’ €15,000 minħabba diskriminazzjoni li saret fil-konfront tiegħu ftit wara li l-Gvern Laburista rebaħ l-elezzjoni tal-2013. Fid-deċiżjoni tagħha l-Kummissjoni qalet li dawn l-affarijiet mhumiex permessibbli f’soċjetà demokratika.
F’sentenza ta’ 28 paġna l-Kummissjoni qalet li l-kumpens mogħti jrid jitħallas ukoll bl-interessi mid-data ta’ meta Vella kien ġie diskriminat. Dan kollu seħħ wara lment ta’ tkeċċija inġusta li saret mill-eks xandar Norman Vella. Id-deċiżjoni kellha tingħata fl-24 ta’ April li għadda iżda din kienet differità għal 15 ta’ Mejju wara li l-avukat Pawlu Lia, li kien qed jirrappreżenta lill-Prim Ministru fil-proċeduri, oġġezzjona li s-sentenza tingħata peress li l-Kummissjoni skont hu kienet “magħmula b’mod irregolari”, minkejja li kien hemm qbil li din setgħet tingħata.
Il-każ imur lura għal Ottubru tal-2013 meta Vella kien ressaq ilment ta’ tkeċċija inġusta quddiem il-Kummissjoni tax-Xogħol kontra l-prim ministru ta’ dak iż-żmien, Joseph Muscat, u s-segretarju permanenti prinċipali tal-ġurnata, Mario Cutajar. Vella, uffiċjal tal-immigrazzjoni, kien ġie ssekondat max-xandar nazzjonali iżda twaqqaf ftit wara li l-Partit Laburista daħal fil-gvern.
Kien fl-10 ta’ Ottubru 2013 li Norman Vella mar quddiem il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi fejn ressaq riskors kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar fejn talab li l-Kummissjoni tiddikjara li t-tneħħija tiegħu mill-PBS (Public Broadcasting Services) tikkostitwixxi diskriminazzjoni politika.
Ftit xhur wara l-elezzjoni tal-2013, jiġifieri fl-1 ta’ Lulju, Vella kien intbagħat jaħdem l-ajruport bħala Border Control Officer. Fl-iskeda 2012/13 mal-PBS, Vella kien jipproduċi u jippreżenta l-programm ta’ ġrajjiet kurrenti TVHemm, kuljum fuq TVM.
Qabel ingħaqad ma’ TVM, bejn l-2006 u l-2012, Vella kien jaħdem mal-kumpanija Where’s Everybody u kien responsabbli mill-produzzjoni tal-programm ‘Xarabank’ u tas-sensiela ta’ dokumentarji ‘Bijografiji’.
Vella kien xehed li, qabel l-elezzjoni tal-2013, Joseph Muscat kien heddu li “għal kull daqqa li nħossu li qed tagħtu lill-Partit Laburista, jien se nagħtikom tnejn, b’saħħti kollha, taħt iċ-ċintorin, fejn iweġġa’”. Din it-theddida kienet ikkonfermata quddiem il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi fix-xhieda tal-Eks Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern, Kurt Farrugia, u tal-preżentatur Peppi Azzopardi li kienu preżenti meta saret.
Arrestat ftit wara li beda l-każ
Huwa qal li fis-27 ta’ Ottubru 2013: Ftit jiem wara li beda l-każ quddiem il-Kummissjoni, Norman Vella ġie arrestat mill-Pulizija waqt li kien qed jaħdem fl-ajruport bl-akkuża li ħa ritratt lil Kurt Farrugia u lill-President tal-Partit Laburista Ramona Attard huma u jħallu Malta, u li dan ir-ritratt li ma jeżistix bagħtu lil Daphne Caruana Galizia. F’sentenza mogħtija mill-Maġistrat Dr Mars-Anne Farrugia, ingħad li Norman Vella ġie arrestat mingħajr ma kien hemm ebda suspett raġonevoli li seta’ kkommetta reat.
Quddiem il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi, l-Eks Kap Eżekuttiv tal-PBS John Bundy xehed illi ċ-Chief of Staff fil-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Silvio Scerri, kien intervjena personalment biex jiżgura li Norman Vella jitneħħa mill-PBS u jintbagħat jaħdem l-airport.
Scerri kien ċaħad id-dikjarazzjonijiet ta’ Bundy u għamillu libell. Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat, illum Imħallef Francesco Depasquale, emmnet lil John Bundy u fis-sentenza tagħha qalet li dak li kien xehed Bundy “kien ibbażat fuq fatti illi huwa kien jaf dwarhom u li ġew korroborati minn dokumentazzjoni”. Fil-libell, l-avukat li deher għal John Bundy kien il-Prim Ministru attwali, Dr Robert Abela.
F’Lulju 2013, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien iddikjara li Vella kien tneħħa mill-PBS għax il-programm TVHemm ma kienx se jkompli fis-sajf. Sussegwentement, quddiem il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi, ġiet ippreżentata ittra li fiha jingħad li Vella kellu jitneħħa mill-PBS għax huwa “essenzjali” għas-sezzjoni tal-Immigrazzjoni fl-ajruport. Quddiem il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi, Kurt Farrugia xehed li kienu ħadu żball meta semmew l-ewwel raġuni.
Ikkonferma li ngħata direzzjoni politika
F’xhieda fil-Qorti, Kevin Mahoney, li kien Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, ikkonferma li dwar it-tneħħija ta’ Norman Vella mill-PBS talab, ingħata u ħa direzzjoni politika.
It-tneħħija ta’ Norman Vella mill-PBS kellha tkun awtorizzata mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar. F’xhieda quddiem il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi, Cutajar qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat kien iffirma għat-tneħħija ta’ Vella skont dak li rrakkomandalu l-istess Cutajar.
Fl-istess żmien li fih Norman Vella tneħħa mill-PBS, l-istess PBS impjega ħames ġurnalisti ġodda li kollha kemm huma kienu jaħdmu mal-istazzjon tal-Partit Laburista. Fost dawn il-ġurnalisti kien hemm Norma Saliba, li nġiebet il-PBS b’secondment mill-MUESAC xahar eżatt wara li tneħħa Norman Vella.
Wara li għamlu l-kontroeżami ta’ Norman Vella, il-Prim Ministru u s-Segretarju Permanenti Ewlieni ma kellhom ebda xhud xi jtellgħu quddiem il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi biex jipprovaw il-każ tagħhom.
Il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi
Il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi hija magħmula minn żewġ membri nominati mill-Prim Ministru, żewġ membri nominati mill-Kap tal-Oppożizzjoni u Chairman li huwa nominat mill-Prim Ministru wara konsultazzjoni mal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Iċ-Chairman attwali tal-Kummissjoni huwa l-avukat Frank B. Testa. Il-membri l-oħra huma l-avukati Noel Camilleri, Rodianne Sciberras, Roberta Leprè Camilleri u Alessia Zammit McKeon.
Il-funzjoni Kostituzzjonali tal-Kummissjoni dwar l-Impjiegi hija li tiżgura li ma jkun hemm “ebda distinzjoni, esklużjoni jew preferenza li ma tkunx ġustifikabbli f’soċjetà demokratika” minħabba l-opinjoni politika ta’ persuna.
L-Avukat Karol Aquilina u Andrew Borg Cardona assistew lil Norman Vella.