Lokali Parlament

Il-Ministru Clayton Bartolo jattakka lill-PN flok iwieġeb għaliex film li kien ġej Malta mar il-Marokk


Il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo infexxa jattakka lill-PN minflok wieġeb mistoqsijiet parlamentari li fiha kien mistoqsi għaliex film li kien ġej Malta issa spiċċa biex mar il-Marokk.


Kien id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami li staqsa lill-Ministru biex jagħti spjega għaliex din il-kumpanija marret il-Marokk iżda l-Ministru Bartolo ma weġibx dwar ir-raġunijiet wara dan it-telf ta’ film minn Malta. Minflok wieġeb, il-Ministru Bartolo infexx jattakka lill-PN.


L-istess atteġġjament il-Ministru Bartolo ħadu għal mistoqsija oħra tad-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo li staqsa kif il-ministru mhux iwieġeb meta din il-kumpanija ddikjarat li ma kinitx ġiet Malta minħabba li l-gvern ma kellux biżżejjed ideat biex iżomm dawn il-films f’Malta.


Id-Deputat Nazzjonalista Castillo staqsa wkoll kif jista’ l-Kummissarju tal-Films jiġġustifika ż-żieda fil-paga ta’ €60,000 li tammonta għal €150,000 fis-sena.


Il-Ministru Bartolo qal li dwar dan il-film ma kienx hemm diskussjonijiet mal-Kummissjoni tal-Films u għalhekk dan il-film qatt ma kien ippjanat li jsir. Hu qal li hawn ħafna xogħol fl-industrija tal-films.
Il-Ministru Clayton Bartolo kien mistoqsi wkoll dwar il-kontroversja dwar l-umbrelel u d-deckchairs f’Kemmuna mid-deputati Nazzjonalisti Beppe Fenech Adami u Darren Carabott.


Il-Ministru Bartolo kien mistoqsi dwar dikjarazzjoni li kien għamel fl-20022 meta kien qal li se joħorġu l-offerti dwar id-deckchairs u umbrelel f’Kemmuna iżda issa qed jgħid li se tingħata estensjoni oħra. Dan ifisser li l-Ministru Bartolo se jerġa’ ma jżommx mal-kelma tiegħu.


Il-Ministru Bartolo wieġeb biss li ma kellu xejn x’iżid mat-tweġiba li kien ta.