Il-Qorti tal-Appell, fil-ġurisdizzjoni superjuri tagħha, ċaħdet it-talba tal-Partit Laburista fil-gvern biex ikun parti mill-kawża fil-każ ta’ 99 votant li l-karta tal-identità tagħhom inqalbet fuq binja fis-Siġġiewi meta din għadha mhux abitabbli.
Il-każ kien ippreżentat mill-Partit Nazzjonalista dwar l-allegat użu abbużiv ta’ indirizzi residenzjali dikjarati għal gwadann politiku. Fil-fatt, ħafna analisti politiċi qed jgħidu li din il-mossa saret biex il-Partit Laburista jipprova jżomm il-maġġoranza li għandu fil-kunsill lokali.
Kien proprju x-xahar li għadda li l-PN kellu informazzjoni fuq 99 każ, fejn talab li jitreġġgħu lura r-reġistrazzjonijiet tal-votanti f’binja tas-Siġġiewi li kienet għadha qed tinbena. Din il-binja hija housing soċjali u minn dak li ħareġ fil-Qorti u minn dak li xehdu l-istess eletturi, ħadd ma joqgħod fiha.
Il-Prim Imħallef Mark Chetcuti, flimkien mal-Imħallfin Christian Falzon Scerri u Josette Demicoli ċaħdu appell li ressaq il-Labour kontra d-deċiżjoni ta’ maġistrat li tiċħad it-talba tagħha biex ikun inserit f’erba’ minn dawk il-kawżi.
Il-Partit Nazzjonalista ma jridx inaqqas id-dritt tad-99 votant li jixħtu l-vot tagħhom fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, imma sempliċiment li jivvutaw fil-lokalità ta’ fejn jabitaw.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino kien iddeskriva l-każ bħala użu ħażin u sistematiku. Fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali tal-2019, il-Labour kien rebaħ is-Siġġiewi għall-ewwel darba minn meta bdew isiru l-elezzjonijiet lokali f’nofs id-disgħinijiet, b’vantaġġ ta’ 70 vot.
Għall-Partit Nazzjonalista fil-kawża qed jidhru l-Avukati Karol Aquilina u Joseph Grech filwaqt li għall-Partit Labutista qed jidhru Pawlu Lia u Ramona Attard.
//= $special ?>