Lokali

Joseph Muscat jiddefendi lil kulħadd minbarra lil Keith u Konrad

L-Eks Prim Ministru u Mexxej tal-Labour Joseph Muscat issokta b’attakki ħorox u partiġjani fil-konfront tal-Partit Nazzjonalista u jinsab konvint li mhux se jinstab ħati tal-ebda akkuża fosthom frodi u ħasil ta’ flus b’rabta mad-deal tal-Vitals, iżda għal darb’oħra naqas milli jżerżaq imqar kelma wahda favur sħabu, Keith Schembri u Konrad Mizzi.

F’intervista rrekordjata fuq ir-radju tal-Partit Laburista ma Emmanuel Cuschieri, wara li kien ilu ma jkun mistieden fl-istudios tal-Marsa snin – Joseph Muscat sostna li jiddispjaċih ħafna għal Edward Scicluna, għal Chris Fearne u għas-Segretarji Permanenti li ssemmgħu fl-inkjesta tal-Vitals.

Dan filwaqt li żvela – dejjem skont Muscat – li bilkemm jissemma isimhom skont dak li ra fl-inkjesta.

Il-fatt jibqa’ li Joseph Muscat suppost ra biss estratti fejn jissemma’ hu biss; għaldaqstant mhux magħruf eżattament x’ra bi preċiż l-Eks Prim Ministru.

Muscat baqa’ jiddefendi lilu nnifsu u insista li l-evidenza li hemm kontrih, skont hu, mhux b’saħħitha biżżejjed filwaqt li attakka lill-Maġistrat Gabriella Vella u qal li se jħalli l-istorja u l-poplu jiġġudikaha.

Intant, l-Eks Mexxej Laburista kompla saħaq li għal numru ta’ akkużati lest jaħlef għalihom iżda bħalma seħħ waqt l-intervista li saritlu fuq l-istazzjon F Living, ma ddefenda assolutament xejn lill-id il-leminija tiegħu – Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Joseph Muscat insista li l-akkużi huma frott dubji serji għax siefer kemm-il darba Dubaj, u qabbilha ma xi ħaġa li persuna tħobb tagħmel bħall-għawm, daqslikieku hija xi ħaġa mill-aktar normali li xi ħadd ikun ġej u sejjer lejn dan il-pajjiż… kif ammetta hu stess li jagħmel. Fl-istess waqt b’ironija, stqarr li friżawlu l-flejjes mill-ftit li għandu.

Muscat naqas milli jispjega jekk il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà għajjatlux biex jisimgħu.

Fl-intervista, Joseph Muscat appella għal kalma fil-jiem li ġejjin, iżda temm billi qal li jaqbel ma’ Emanuel Cuschieri meta kien mistoqsi dwar il-protesti li qed isiru… u xewwex fil-konfront ta’ dan is-suppost establishment li l-Labour ta’ Abela u Muscat qed ibeżżgħu dwaru biex joħorġu n-nies jivvotaw.