Lokali

L-istudenti disgustati għall-fatt li l-Prim Ministru qed jirrifjuta li jisma’

B’referenza għall-artiklu ippublikat il-bieraħ fuq it-Times of Malta, L-GħSL terġa’ tikkundanna d-diskors u l-attakk tal-Prim Ministru fuq il-ġudikatura.

Minkejja l-appell tal-President lill-Prim Ministru biex iħalli lill-ġudikatura taħdem b’mod seren, il-Prim Ministru rrifjuta li jisma’.

Fil-kummenti tiegħu ilbieraħ, il-Prim Ministru reġa’ qajjem suspetti dwar il-Maġistrat Inkwirenti li investigat l-konċessjoni ta’ tliet sptarijiet, u insinua li ż-żmien tal-konklużjonijiet tal-inkjesta huwa orkestrat biex ifixkel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, u b’hekk jitfa’ dubji dwar l-imparzjalità tal-Maġistrat. Insinwazzjonijiet bħal dawn, mingħajr ebda evidenza sostanzjali, huma tentattiv qarrieqi biex ifixkel il-fiduċja pubblika fis-sejbiet tal-Maġistrat inkwerenti. L-GħSL ħeġġet lill-Prim Ministru diversi drabi biex jissostanzja dawn l-akkużazzjonijiet serji fil-konfront ta’ membru tal-ġudikatura quddiem il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, madankollu din is-sejħa qatt ma ntlaqgħet. Huwa għalhekk evidenti li l-Prim Ministru qed iħammeġ isem u r-reputazzjoni tal-Maġistrat inkwerenti għal konvinjenza partiġjana.

Huwa inkwetanti illi l-Prim Ministru qed jerġa’ jabbuża mill-fatt li membri tal-Ġudikatura ma jistgħux iwieġbu għall-kummenti u l-attakki li saru kontrihom. L-GħSL tikkundanna bil-qawwa kull tentattiv biex tiġi mminata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u turi  solidarjetà mal-membri tal-ġudikatura.