L-Ukrajna qed tirtira lit-truppi minn diversi villaġġi mal-fruntieri tar-reġjun ta’ Kharkiv — u meta l-qawwiet tal-President Volodymyr Zelensky qed jagħmlu li jistgħu biex jirreżistu l-aħħar offensiva mill-Armati tar-Russja.
Min-naħa tiegħu, il-militar Russu akkost ta’ kollox irid jieħu l-kontroll ta’ Kharkiv, it-tieni l-akbar belt tal-Ukrajna u li l-Ukreni qed jiddefendu b’kull suldat minħabba l-implikazzjonijiet koroh għalihom f’każ li din il-belt taqa’ f’idejn is-suldati tal-Kremlin.
L-offensiva qed issir ukoll fi żmien meta l-Ukreni qed jistennew b’urġenza għall-kunsinni tal-armamenti ġodda – inklużi missili ta’ kalibru kbir – mingħand l-Istati Uniti u li bihom jistgħu jirreżistu aħjar għall-attakki tar-Russi.
Filwaqt li r-Russi qed iżidu l-pressjoni mal-periferiji ta’ Kharkiv, kelliema għall-qawwiet Ukreni qalu li t-truppi tagħhom, fl-aħħar sigħat, irtiraw lejn pożizzjonijiet aktar vantaġġjużi minn aspett strateġiku. L-Ukreni,fl-istess ħin, ikkonsolidaw id-difiżi fiz-zoni lejn il-grigal ta’ Kharkiv anki waqt li t-Russi kienu qed ikomplu bil-bumbardamenti ħorox fuq l-inħawi.
Sadanittant, il-President Zelensky ħassar iż-żjarat kollha ‘il hinn mill-Ukrajna – b’din id-deċiżjoni tixhed il-gravità tas-sitwazzjoni waqt li t-truppi tiegħu kienu qed jippruvaw jikkontrollaw l-aħħar inkursjoniiet mill-militar tal-Kremlin.
Il-kelliema għall-President qalu li Zelensky ippospona ‘l-avvenimenti internazzjonali kollha għal żmien ieħor’ – u fost rapporti minn Moska li l-qawwiet Russi rnexxielhom jaħtfu l- komunitajiet ta’ Lukyantski and Hlyboke, it-tnejn fir-reġjun ta’ Kharkiv, minbarra komunità oħra fir-reġjun ta’ Zaporizhzhia.
L-Ukrajna, sadanittant, ma kummentatx dwar dawn id-disfatti militari li għandhom iservu ħażin għall-moral tat-trupi tagħha. Min-naħa tiegħu, il-Kap tas-servizzi sigrieti Ukreni, Kyrylo Budanov, qed jgħid, li tg-truppi tiegħu, minkejja l-aħħar żviluppi, irnexxielhom ‘jistabbilizzaw’ xorta liz-zoni kontrollati minnhom fuq il-fronti tal-battalja.
Fl-aħħar jiem, eluf ta’ ċivili Ukreni ħarbu lejn il-belt ta’ Kharkiv u lejn il-belt ta’ Vovchansk, xi 80 kilometru ‘il bogħod u fejn il-ġlied bejn it-truppi ta’ Zelensky u r-Russi għadu intensiv . Dan meta r-Russi qed jikkonsolidaw il-pożizzjonijiet ġodda eqreb il-qalba ta’ Vovchansk, bis-sitwazzjoni hemmhekk għadha meqjusa bħala fluwida.
Il-Gvern Ukren, fl-istess ħin, bagħat ir-reinforzi – inklużi xi taqsimiet riservi tal-Armata — lejn ir-reġjun ta’ Kharkiv bil-ħsieb jindirizza l-iżbilanċ militari inferjuri fil-konfront mal-għadu.
//= $special ?>