Lokali Qorti

Miċħuda talba għal kopja tal-Inkjesta Vitals: L-Avukat tal-Istat oppona t-talba tal-PN

L-Imħallef Toni Abela ċaħad it-talba tal-Partit Nazzjonalista biex il-Qorti jkollha kopja sħiħa tal-Inkjesta Maġisterjali tal-Vitals u dan biex l-istess Qorti tkun tista’ tagħmel aħjar l-evalwazzjoni fil-każ fejn il-PN qed jagħmel minn kollox biex jiġu rkuprati l-€400 miljun. Din it-talba sabet oġġezzjoni qawwija minn naħa tal-Avukat tal-Istat.

Dan waqt seduta oħra tal-kawża li originarjament fetaħ il-Partit Nazzjonalista kontra l-Avukat tal-Istat dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet, fejn fiha qed jintervjenu l-Gvern u l-Kabinett fuq talba li saret fl-aħħar xhur.

L-Imħallef Toni Abela waqt id-deċiżjoni tiegħu qal li l-Qorti ma tistax tifhem kif partijiet mill-inkjesta spiċċaw imperċċa fil-media u għadu ma nstabx min żvela din l-informazzjoni sensittiva tal-inkjesta Vitals. Toni Abela insista li l-Qorti Kriminali għandu jkollha s-setgħa li tiddeċiedi hi jekk l-Inkjesta Magisterjali għandhiex tiġi inkluża fi proċeduri oħra.

Tenna wkoll li meta l-media toħroġ affarijiet li lanqas il-Qorti stess ma tkun kinxja dwarhom ikun ta’ ħsara kemm għall-amministrazzjoni tal-ġustizja kif ukoll għall-partijiet. L-Avukat tal-Istat qal lill-Qorti li hu ma jaqbilx li l-Qorti tingħata kopja.

Dan ħareġ fil-Qorti t-Tlieta filgħodu f’seduta qasira, iżda vibranti, fil-kawża ċivili mressqa mill-PN li qed ifittex li l-pajjiż jirkupra €400 miljun, imħallsa mit-taxxi tal-poplu wara l-ħadma u d-deal fawdolenti  tal-isptarijiet mal-Vitals Global Healthcare. aktar tard meħuda minn Steward Healthcare, li sussegwentement ġiet iddikjarata nulla minn qorti minħabba frodi.

Fir-rikors li sar mill-PN l-Imħallef qara n-nota preżentata li tikkwota storja ppubblikata minn One News li kkwotat lil wieħed mill-avukati ta’ Joseph Muscat, Charlon Gouder, jgħid li Muscat kien ingħata aċċess għad-dokumenti tal-inkjesta u li l- l-istess ingħataw lil kull min hu maħsub għall-prosekuzzjoni mill-inkjesta.

L-Avukat Julian Farrugia, li jirrappreżenta lill-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, informa lill-Qorti li l-Uffiċċju kien oġġezzjona bil-qawwa kollha għat-talba. L-Avukat Edward Debono, f’isem il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u Adrian Delia, qal; “Il-kwistjoni hija sempliċi.

Il-każ li ppreżentajna hu li l-Avukat tal-Istat għandu jmexxi kontra dawk in-nies fl-ogħla funzjonijiet tal-Gvern Malti li aġixxew b’intenzjoni kriminali f’kollużjoni ma’ Vitals. It-tweġiba tal-Avukat tal-Istat kienet li l-uffiċċju tiegħu m’għandux dik il-funzjoni.”

“Grazzi għall-proċeduri ta’ arbitraġġ internazzjonali, illum nafu li Steward Healthcare hi falluta. Dawn l-uffiċjali tal-gvern ġew identifikati, mhux biss bis-saħħa ta’ ordnijiet ta’ sekwestru, mhux biss fl-akkużi li nħarġu, iżda issa, ukoll minħabba li l-Qorti tal-Maġistrati fil-ġurisdizzjoni kriminali tagħha, iddeċidiet li kull persuna akkużata għandha tingħata kopja tal-inkjesta.

“Mela issa l-Avukat tal-Istat ma jistax juża l-iskuża li ma jafx x’fiha l-inkjesta. Mhuwiex l-avukat tal-gvern, huwa fid-dmir li jiddefendi l-interessi tal-Istat, li huwa differenti. Għalhekk il-pożizzjoni tagħna hija li neħtieġu wkoll kopja biex nippreparaw il-każ tagħna,” spjega Dr. Debono.

L-Avukat Farrugia, f’kontroargumenta, li meta l-atturi kienu ddikjaraw li l-provi tagħhom kienu magħluqa, kienu inekwivokabbli meta stqarrew li ma kellhomx aktar provi xi jressqu, u żied li “l-evidenza li qed jippruvaw jesebixxu hija kompletament irrilevanti għal dan il-każ, għax dan il-każ huwa sempliċement dwar dak li jista’ jagħmel l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat f’termini tal-Kostituzzjoni u l-liġi, u xejn aktar.”

“Wara l-preżentazzjoni tat-78 kaxxa ta’ evidenza li ġew irrappurtati fil-midja, din il-Qorti se tkun f’pożizzjoni aħjar li tkun taf x’tgħid il-liġi?” staqsa Dr. Farrugia filwaqt li saħaq li r-rwol tiegħu ma kienx li jidħol fid-diskussjonijiet politiċi, iżda li jassigura li l-liġi tiġi osservata.

Dr. Farrugia żied jgħid li ma kellux kopja tal-inkjesta u ma kienx jaf x’fiha. “Dak li naf hu dan. Meta inkjesta tiġi konkluża, din tiġi trażmessa direttament lill-Avukat Ġenerali. Skont il-Kodiċi Kriminali, aċċess għall-inkjesta, sakemm dik l-inkjesta tiġi esebita bħala evidenza fi proċedimenti kriminali, huwa l-Avukat Ġenerali li huwa l-kustodju ta’ dik l-inkjesta u l-AG biss jista’ jiddetermina lil min jagħti aċċess u jagħti kopji.”

L-Imħallef Toni Abela talab lill-Avukat Farrugia jikkonferma dak li kien għadu kemm qal, u bil-ġurament, wissieh biex joqgħod attent għal dak li kien se jgħid. “L-uffiċċju u l-Avukat tal-Istat m’għandhomx fil-pussess tagħhom kopja sħiħa tal-inkjesta,” huwa xehed.

“Fir-rigward tal-kawża Kostituzzjonali li reċentement tressqet minn Joseph Muscat fid-dawl ta’ digriet tal- Imħallef Giovanni Grixti, parti mill-inkjesta, kellha tiġi trażmessa lilu u tinsab issiġillata fil-proċess quddiem dak l-Imħallef. ”

L-avukat qal li twassal biex jemmen li Muscat huwa wieħed mill-persuni li l-inkjesta rrakkomandat għall-prosekuzzjoni. "Bħal kulħadd, għandu dritt li jiżvela l-evidenza kontrih."

Dwar ir-rikors li ġie ppreżentat lill-Qorti aktar kmieni llum, l-Imħallef Toni Abela qal li din it-talba m’għandhiex aktar relevanza, għaldaqstant il-Qorti ċaħdet din it-talba.

Il-Qorti qed tagħti sal-25 ta’ Mejju sabiex il-partijiet jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom, u fis-27 ta’ Mejju, il-Qorti se tiddeciedi meta tingħata s-sentenza biex jingiebu lura l-400 miljun ewro li nsterqu mill-kumpanija Vitals, minn ħalq il-poplu Malti.

L-avukati Edward DeBono u Nicholas DeBono qed jirrappreżentaw lil Grech u Delia. L-Avukati James D’Agostino u Julian Farrugia qed jirrappreżentaw lill-Avukat tal-Istat. L-avukati Chris Cilia, Ian Borg u Maurizio Cordina qed jirrappreżentaw lill-gvern u lill-Kabinett.