Lokali

Norman Vella jirbaħ il-kawża kontra l-Prim Ministru

L-eks preżentatur Norman Vella rebaħ il-kawża li kien fetaħ 11-il sena ilu dwar diskriminazzjoni politika li hu kien sofra.

Kien f’Ottubru tal-2013 meta quddiem il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi, Norman Vella ressaq riskors kontra l-Prim Ministru (Joseph Muscat) u s-Segretarju Permanenti Ewlieni (Mario Cutajar) fejn talab li l-Kummissjoni tiddikjara li t-tneħħija tiegħu mill-PBS (Public Broadcasting Services) tikkonstitwixxi diskriminazzjoni politika.

Ftit jiem wara li beda l-każ quddiem il-Kummissjoni, Norman Vella ġie arrestat mill-pulizija waqt li kien qed jaħdem fl-ajruport bl-akkuża li ħa ritratt lil Kurt Farrugia u lill-President tal-Partit Laburista Romona Attard huma u jħallu Malta, u li dan ir-ritratt (li ma jeżistix) bagħtu lil Daphne Caruana Galizia. F’sentenza mogħtija mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, ingħad li Norman Vella ġie arrestat mingħajr ma kien hemm ebda suspett raġonevoli li seta’ kkommetta reat.

Intant, il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li jilqa’ din id-deċiżjoni favur il-libertà tal-espressjoni u favur trattament ugwali ta’ kulħadd, irrispettivament mit-twemmin politiku tal-individwu.